L-aħwa Degiorgio jallegaw li spiċċaw issegregati waħedhom f’ċella għal ebda raġuni

L-aħwa jgħidu li tpoġġew f’iżolament għal ebda raġuni filwaqt li ddeskrivew dan it-trattament bħala wieħed "inuman u degradanti"

Is-suspettati fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-aħwa George u Alfred Degiorgio, jallegaw li "soffrew trattament inuman u degradanti" wara li sfaw issegregati waħedhom f’ċella. Huma spiċċaw f'iżolament wara li kienu involuti f'aċċident.

L-aħwa, li qegħdin jinżammu f’Diviżjoni 5 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, permezz ta’ ittra ġudizzjarja ppreżentata dalgħodu, qalu li kienu qed jiġu kkastigati inġustament għal inċident ikkawżat minn priġunier ieħor.

L-ittra formali ffirmata mill-avukat tagħhom William Cuschieri, titlob lid-direttur tal-ħabs biex itemm dak li skonthom huwa "trattament inuman u degradanti" jew inkella se jkollhom jirrikoru għal azzjoni legali.

Huma qegħdin imsakkra fiċ-ċella tagħhom għal 26 siegħa konsekuttiva u jitħallew barra biss għal perjodu qasir, wara jerġgħu jissakkru għal 26 siegħa konsekuttivi. Huma qalu li d-direttur tal-ħabs ma għarrafhomx kemm se ddum din "il-piena".

Intant fl-ispjegazzjoni tagħhom, huma sostnew li fit-3 ta’ Lulju, priġunier li kien ġie trasferit għad-diviżjoni tagħhom, daħal fi ġlieda magħhom. L-aħwa insistew li filmati minn ġewwa Diviżjoni 5 jikkonfermaw li ma kienux huma li nstigaw il-ġlieda u skont huma dan kien ukoll rikonoxxut mill-uffiċjali tas-CCF.

Minkejja dan, huma qalu li d-direttur tal-ħabs ħa d-deċiżjoni li kienet tpattija marbuta ma’ informazzjoni li għandhom fuq eks ministru u ministru sedenti.

L-aħwa insistew li irrispettivament mid-diskrezzjoni mogħtija fil-liġi lid-direttur tal-ħabs, hu qatt ma jista’ jittratta lill-priġunieri b’mod li mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika.

​L-ittra ġudizzjarja ġiet innotifikata lid-direttur tal-ħabs kif ukoll lill-Avukat Ġenerali.

More in Qrati u Pulizija