Il-Qorti titlob lil Abela jipprova li l-allegazzjonijiet ta' Jason Azzopardi fuqu mhumiex minnhom

L-Avukat Pawlu Lia li qed jirrapreżenta lil Carmelo Abela sostna li huwa min għamel l-allegazzjoni li jrid jippruvaha, mhux il-klijent tiegħu

Il-Ministru Carmelo Abela
Il-Ministru Carmelo Abela

Il-Ministru Carmelo Abela kien ordnat iressaq il-provi biex juri li l-allegazzjonijiet tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li hu kien b'xi mod marbut mas-serqa tal-HSBC tal-2010, mhumiex minnhom.  Dan wara li Abela fetaħ libell kontra Azzopardi lura f'April, meta d-Deputat tal-PN kien implika li Abela - impjegat tal-istess bank dak iż-żmien tas-serqa, 11-il sena ilu - kien involut u saħansitra kien imwiegħed €300,000. 

Il-Ministru Abela kien qal li dawk ta' Azzopardi huma gideb u kien akkuża lilu u lill-PN li qed jaħdmu fl-interess tal-kriminali, biex dawn jinħelsu minn akkużi kontihom. 

Kien wieħed mill-aħwa Degriogio u anke Vince Muscat (il-Koħħu) - wieħed akkużat u l-ieħor ħati ta' involviment fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, li indikaw Ministru fil-Kabinett kurrenti li qed jallegaw illi kien parti minn din is-serqa. 

Waqt is-seduta tal-Erbgħa l-avukat tal-Ministru, Pawlu Lia, argumenta illi ladarba Azzopardi kien għamel l-allegazzjonijiet huwa hu li jrid jippruvahom. "Li tgħid illi l-applikant huwa kompliċi f'hold up u li kien imwiegħed €300,000 għal dan l-irwol mhijiex opinjoni imma allegazzjoni," qal Lia. 

Huwa qal li Azzopardi jew jammetti li kellu żball jew inkella jipprova l-allegazzjonijiet tiegħu, u kkonkluda jgħid li mhux xogħol il-Ministru li jipprova dawn l-allegazzjonijiet. 

Iżda l-avukat ta' Jason Azzopardi Joseph Zammit Maempel qal illi t-triq 'il quddiem hija f'idejn  il-Qorti. 

Il-Qorti għalhekk iddeċidiet, li ma taċċettax ir-rikjesta ta' Carmelo Abela għax qalet li huwa l-Ministru fetaħ il-libell, allura huwa f'idejh li juri b'evidenza illi dak li qal Azzopardi mhuwiex minnu. 

 

More in Qrati u Pulizija