Bil-punti taħt għajnejha u tbenġil fuq dirgħajha xorta taħfirlu

Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi ta' aggressjoni u li kkawża ġrieħi gravi fuq is-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 38 sena minn Ħal Luqa, tressaq quddiem il-maġistrat akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq is-sieħba tiegħu, kif ukoll li insultaha, heddidha u "qabeż il-limiti tal-provokazzjoni." 

Minkejja dan, l-avukata tal-vittma b'nota lill-Qorti stqarret li l-klijenta tagħha xtaqet li taħfer lill-akkużat. L-avukata żiedet tgħid li l-vittma, li dak il-ħin kienet preżenti b'ponti taħt għajnejha u tbenġil fuq driegħha viżibli, xtaqet tagħmilha ċara li jekk jingħata l-libertà proviżorja, l-akkużat għandu jgħix f'dar oħra.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur li mexxa l-prosekuzzjoni qal lill-Qorti li l-vittma kienet marret l-għassa tal-pulizija bi ġrieħi f’wiċċha. Hija ntbagħtet l-isptar, fejn il-ġrieħi tagħha ġew ikklassifikati bħala gravi. Il-mara qalet li l-akkużat kien ikkaġunahom u b'mod immedjat il-pulizija arrestat lir-raġel. Il-vittma kienet talbet ukoll lill-pulizija biex isibulha post sigur.

L-Ispettur ammetta li r-raġel kellu rekord kriminali u li issa jinsab imħasseb dwar tbagħbis tal-provi. 

Fid-dawl ta' dan kollu, il-Qorti ħarġet ordni ta' superviżjoni temporanja u ordni ta’ protezzjoni favur il-mara. Il-Qorti laqgħet talba għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni ta' isem l-akkużat biex tipproteġi l-minuri involuti fil-każ.

L-akkużat ġie ordnat jiddepożita l-passaport tiegħu fi żmien 24 siegħa u jiffirma ktieb tal-pleġġ tliet darbiet fil-ġimgħa, kif ukoll josserva curfew.  Il-libertà proviżorja tiegħu ġiet assigurata b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000. 

More in Qrati u Pulizija