Cremona qal lil Theuma li persuna tqabbdet mill-mażunerija biex toqtol lil Daphne

U issa daħlet il-mażunerija wkoll!  Melvin Theuma jgħid li hekk qallu Johann Cremona dwar persuna mqabbda mill-mażuni...

Daphne Caruana Galizia
Daphne Caruana Galizia

Waqt li kien qed jixhed illum fil-Qorti Melvin Theuma - is-sensar fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia - qal għal darbtejn, li Johann Cremona kien qallu li l-mażunerija qabdet persuna - li isimha ma jistax jissemma' b'ordni tal-Qorti - biex toqtol lil Daphne Caruana Galzia.  Huwa xehed, għall-mistoqsija tal-Ispettur Keith Arnaud, li lil din il-persuna jafha imma lilu qatt ma kellmu. 

Cremona huwa sieħeb fin-negozju ma' Yorgen Fenech - akkużat illi huwa l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista f'Ottubru 2017. 

Theuma kien qed jixhed hekk kif illum komplew jinstemgħu r-rekordings tiegħu, parti importanti mix-xhieda f'dan il-każ.  Huwa jinstema' jgħid illi Yorgen Fenech kien l-ewwel wieħed li ried illi Caruana Galizia tinqatel u b'persistenza kienu jgħidlu, "mur għid lil Fredu, mur għid lil Fredu biex joqtolha."  L-isem Fredu hawnhekk huwa possibilment referenza għal Alfred Degiorgio. 

Melvin Theuma qal li din id-diskursata saret fl-uffiċċju ta' Cremona u jerġa' jinsisti li l-istess persuna li isimha ma jistax jixxandar, kien għaddielu l-flus biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. 

Illum ukoll fl-istess xhieda Theuma qal illi Cremona qallu biex jgħid li l-aħwa Degiorgio qalulu li kien l-eks Ministru Chris Cardona li qabbdu bħala sensar f'dan il-qtil. Theuma ċaħad kompletament u qal li hu qatt ma kellu kuntatt ma' Cardona jew familtu. Żied jgħid li Cremona kien ilu jinsisti li kien Cardona illi qatel lil Daphne Caruana Galizia. 

 

More in Qrati u Pulizija