Aktar ma talbitu jieqaf jabbużaha, aktar għamel - Xhieda dwar allegat stupru minn surġent tal-pulizija

Il-Qorti semgħet kif meta s-surġent mar fid-dar tal-vittma - li rrappurtat serqa mid-dar tagħha -  kien 'high' bid-drogi 

Il-Qorti semgħet kif  surġent tal-pulizija li qed ikun akkużat bi stupru waqt il-qadi ta' dmirijietu, kien ħa d-droga qabel mar għax-xogħol, dakinhar tal-inċident. 

Is-Surġent qed ikun akkużat li stupra mara wara li rrappurtat serqa fid-dar tagħha l-Qawra x-xahar li għadda. 

Waqt li kienet qed tixhed is-Supretendent Graziella Muscat Buhagiar informat lill-Maġistrat Gabriella Vella illi l-akkużat issa qed ikun investigat mill-Vice Squad u l-Unit tas-Cybercrime.  Hija spjegat x'ġara u dak li l-vittma qalet lill-pulizija, li hija persuna li tagħmel użu qawwi tad-droga u li kellha diffikultà biex tikkomunika. 

Is-Surġent wasal id-dar tal-mara kmieni filgħodu nhar is-17 ta' April, ftit wara li seħħet is-serqa.  Is-Supretendent qalet lill-Qorti illi d-dar tal-vittma kienet magħrufa għall-użu u t-teħid tad-droga li jsir fiha - tant li kienet magħrufa fost il-pulizija bħala "dar tal-junkies."

Hekk kif is-surġent daħal fl-appartament, kien high minħabba l-użu tad-droga u wara li qalilha illi tidher ħelwa beda jbagħbas lilu nnifsu.  Hu qalilha li hu jagħmel il-films pornografiċi għall-flus, liema films iqassam ma' grupp żgħir ta' nies.  F'dan il-punt - u minkejja mistoqsijiet mill-vittma għaliex ma kienx hemm uffiċjali tal-forensika preżenti - is-surġent ħa lil mara fil-kamra tas-sodda.  Malli tbaxxiet biex iġġib xi ħaġa mill-kxaxen, innutatu jagħlaq il-bieb tal-kamra tas-sodda. 

Il-vittma qalet illi hija kienet sfat abbużata u li kienet taf illi "meta min jabbuża jibda, ma jiqafx qabel jispiċċa" spjegat is-Supretendent Muscat Buhagiar. 

Il-mara ma kinitx mhedda u aċċettat biss li twettaq sess orali mas-surġent biex teħles mill-biċċa malajr kemm jista' jkun.  L-allegat aggressur beda jirrekordja l-att sesswali fuq il-mowbajl tiegħu.

Hija xehdet kif il-vittma diversi drabi qalet lill-agressur li hi kienet sfat abbużata u iktar kemm kienet tgħidlu 'sir' iktar kien jitqanqal sesswalment. 

Il-vittma ddeskriviet lill-agressur bħala "annimal."   Uffiċjali oħra, li kienu xogħol dakinhar li seħħ l-allegat stupru qalu illi s-surġent qatt ma kien għamel rapport formali u wara li spiċċa mingħand il-mara , baqa' sejjer id-dar. 

Il-mara se tkun qed tixhed ladarba toħroġ mill-isptar fejn kienet qed tieħu kura għal problema li mhux relatata ma' dan il-każ. 

 

More in Qrati u Pulizija