'Theuma qal lil Degorgio biex imexxu ladarba tgħaddi l-elezzjoni' - Il-Koħħu jixhed

Vince Muscat jgħid li hu ma kienx jistaqsi mistoqsijiet u allura ma jafx x'rabta hemm bejn l-assassinju u l-elezzjoni tal-2017

Waqt ix-xhieda tiegħu dalgħodu Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu spjega kif Melvin Theuma kien f'kuntatt ma' Alfred Degiorgio dwar il-pjan tal-assassinju u  li Degiorgio kien xtara mowbajls biex jibagħu f'kuntatt, hekk kif jgħid li Theuma - is-sensar fl-assassinju -  kien imur fit-Tinda tal-Patata l-Marsa - il-post fejn l-aħwa Degiorgio kienu arrestati. 

Huwa xehed kif dawn il-mowbajls Degiorgio xtrahom wara l-elezzjoni tal-2017 sabiex ikun jista' jagħmel kuntatt. 

Id-difiża rappreżentata mill-Avukat William Cushcieri staqsiet x'għandhom x'jaqsmu l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-elezzjoni. 

Muscat iwieġeb bili jgħid illi Theuma kellu jagħti l-approvazzjoni biex imexxu ladarba tkun għaddiet l-elezzjoni ġenerali.  Jgħid iżda li ma jafx x'għandha x'taqsam l-elezzjoni ma' dan kollu.

Id-difiża tkompli tistaqsi dwar din il-kwistjoni imma Muscat jgħid li hu ma tantx jistaqsi mistoqsijiet. 

"Jiġifieri ilek taf lil Alfred (Degiorgio) 40 sena u ma tistaqsix?  Tidħol f'xi ħaġa makabra bħal din daqslikieku sejjer tieħu kafè?" jistaqsi l-Avukat Cushcieri. 

Il-Koħħu iżda jżomm mal-pożizzjoni tiegħu, li ma jafx x'rabta hemm - jekk hemm - bejn l-assassinju u l-elezzjoni.

Intant ara wkoll kif illum waqt ix-xhieda Muscat reġa' semma' lill-eks Ministru Chris Cardona u kif Degiorgio kien kellmu biex jagħtihom informazzjoni dwar Daphne Caruana Galizia. 

Theuma wkoll kien diġà xehed kif Yorgen Fenech kien qallu biex imexxi bil-pjan tal-assassinju ladarba tgħaddi l-elezzjoni.

More in Qrati u Pulizija