'Cardona seta' jagħtina ċerta informazzjoni bħal jekk Caruana Galizia kinitx imsiefra jew le'

Il-Koħħu jerġa jsemmi lil Cardona u kif dan kien 'biċċa waħda' ma' Alfred Degiorgio

Waqt ix-xhieda tiegħu dalgħodu Vince Muscat - magħruf bħala l-Koħħu - reġa' semma lill-eks Ministru Chris Cardona u kif Alfred Degiorgio kien staqsieh għal-opinjoni tiegħu dwar pariri u għajnuna mingħand Cardona lura fl-2015, meta l-Koħħu kien xehed ukoll li kien hemm attentat ieħor fuq il-ħajja ta' Daphne Caruana Galizia fl-2015, illi fih kien implika lil Cardona. 

Meta l-avukat tal-aħwa Degiorgio William Cushcieri staqsieh jispjega ruħu aħjar il-Koħħu qal li hu qabel illi Degiorgrio għandu jkellem lil Cardona.  "Jekk mhux Cardona min? ... Cardona bħala Ministru seta' jiċċekkja ċerti affarijiet (fuq Caruana Galizia), per eżempju jekk kinitx imsiefra.  Kien ikun f'pożizzjoni ħafna aħjar minna biex jiskopri dawn l-affarijiet," xehed Muscat. 

Huwa qal li darba kien ħa lil Degiorgrio l-Portomaso biex jitkellem ma' Cardona u darba kien saħansitra mar magħhom l-avukat David Gatt.

L-avukat Cuschieri kompla jistaqsi dwar l-eks Ministru. 

Jistaqsi  Cuschieri : 'M'għidtx lil Alfred biex ma jgħidx lill-Ministru fuq il-qtil?

Muscat: 'Le pjuttost il-kontra.  Għidtlu jekk mhux Cardona min? 

Il-Koħħu jgħid illi Alfred Degiorgio kien "biċċa waħda ma' Chris Cardona."

Din mhux l-ewwel darba li Muscat semma' lill-eks Ministru Cardona, hekk kif fix-xhieda l-Koħħu nhar l-10 ta' Marzu hu kien qal illi kien iwassal lil Alfred Degiorgio Kastilja fejn l-istess Degiorgio kien jgħidlu illi kien jiltaqa' ma' Cardona. 

Degiorgio kien qallu hekk:  "Ċens ħa mmur u nitaqa' mal-Ministru Chris Cardona, forsi jagħtina xi informzzjoni." 

"Jiena qatt ma ltqajt miegħu (ma' Cardona).  Imma Degirgio hekk qalli.  Li kien imur Kastilja u jitkellem miegħu.  Kont inwasslu hemmhekk jiena.  Imbagħad kien iċempilli u jispjegali fejn qiegħda (Daphne Caruana Galizia)," kien xehed Muscat. 

 Il-Koħħu kien spejga kif Degiorgio kien jidħol minn bieb fil-ġenb ta' Kastilja u li dan ġara bejn erba' u ħames darbiet. 

Il-Koħħu xehed kif Degiorgio kien qallu li Cardona bgħatlu messaġġ u li fih semma €150,000 u li hemm żewġ gruppi li qed iħallsu l-istess.

L-eks Ministru kien ċaħad din ix-xhieda u qal li dan mhu xejn għajr "gideb sfaċċat" u li hu qatt ma ltaqa' ma' nies Kastilja, għax hu qatt ma kellu uffiċċju Kastilja. 

U finalment il-Koħħu kien semma' wkoll lil Cardona meta qal illi kellu "biċċa xogħol kbira" miegħu u ma' Ministru kurrenti.  Jidher illi kien qed jirreferi għall-attentat ta' serqa li spiċċat vjolenti tal-Bank HSBC fl-2010. Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien qal illi Cardona kien ġie arrestat dakinhar tas-serqa, xi ħaġa li Cardona ċaħad ukoll. 

More in Qrati u Pulizija