Aġġornata | 'Degiorgio qalli li kien imur Kastilja jitkellem ma' Chris Cardona' - Il-Koħħu

Vince Muscat jgħid illi Alfred Degiorgio mar bejn erba' u ħames darbiet Kastilja u qallu li qed imur jiltaqa' ma' Chris Cardona 'biex jagħtihom l-informazzjoni'

Illum f'xhieda splussiva tiegħu fil-Qorti Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu qal illi darba Alfred Degiorgio - wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - kien qallu hekk:  "Ċens ħa mmur u nitaqa' mal-Ministru Chris Cardona, forsi jagħtina xi informzzjoni.  Jiena qatt ma ltqajt miegħu (ma' Cardona).  Imma Degirgio hekk qalli.  Li kien imur Kastilja u jitkellem miegħu.  Kont inwasslu hemmhekk jiena.  Imbagħad kien iċempilli u jispjegali fejn qiegħda (Daphne Caruana Galizia)."  Il-Koħħu jispejga kif Degiorgio kien jidħol minn bieb fil-ġenb ta' Kastilja u li dan ġara bejn erba' u ħames darbiet. 

Il-Koħħu xehed kif Degiorgio kien qallu li Cardona bgħatlu messaġġ u li fih semma €150,000 u li hemm żewġ gruppi li qed iħallsu l-istess. 

Intant f'dan il-punt il-Koħħu saħansitra semma' lill-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u qal li xi ħadd (illi ismu ma jistax jixxandar b'ordni tal-Qorti) kien jitkellem ma' Valletta u Degiorgio kien iġib l-informazzjoni dwar Caruana Galizia b'dan il-mod. 

Muscat qal li Degiorgio darba saħansitra ċempillu u qallu li ma kellux għalfejn jiltaqa' miegħu hu, għax kien se jgħaddi għalih Toni l-Iblaħ, ix-xufier ta' Chris Cardona u persuna li kienet ukoll interrogata b'konnessjoni ma' affarijiet li Yorgen Fenech kien qal lill-Pulizija.   

Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud għalfejn marru għand Cardona il-Koħħu qal li l-eks Ministru kien qed jgħinhom u Toni l-Iblaħ kien qed iservi ta' messaġġier bejn it-tnejn. 

Cardona kien diġà ċaħad dawn l-akkużi, li issa ntqalu b'xhieda fil-Qorti. 

'Degiorgio qalli li Cardona kien qed jgħarrafhom bid-dettalji'

Iktar minn hekk ukoll, il-Koħħu fil-Qorti qal li Degiorgrio kien qallu illi kien l-eks Ministru Cardona li kien qed jgħarrafhom bid-dettalji tar-rejd li kien se jsir fil-konfront tagħhom.  Vince Muscat jisħaq illi huma kienu jafu bl-arrest madwar  erba' ġimgħat qabel iżda George Degiorgio, ħu Alfred, kien qallu "u le, Ċens."

Muscat jgħid illi Alfred Degiorgio kien qallu biex imur miegħu s-Siġġiewi f'bar partikolari fejn kien ikun l-eks Ministru.  "Ma nafx x'jismu, ħdejn il-Knisja.  Kien l-Erbgħa, ġimgħa qabel l-arresti.  Morna nfittxuh, imma ma kienx qiegħed hemmhekk, la hu u lanqas xi ħadd ieħor (li ismu ma jistax jissemma b'ordni tal-Qorti)."  

Huwa qal li ma kellu ebda idea li top-up tal-mowbajl se jwassal għall-arrest tagħhom.  Huwa jgħid illi Degiorgio qal ukoll li kienu se jinterrogaw lil Chris Cardona u l-avukat Arthur Azzopardi - li kien l-avukat ta' Muscat sa Novembru tas-sena l-oħra.

Muscat ingħata l-maħfra Presidenzjali fuq il-każ tal-qtil tal-avukat Carmel Chircop b'rabta man-negozju ta' Ryan Schembri, il-More Supermarkets.  Intant il-Koħħu ngħata sentenza ta' 15-il sena priġunerija wara li ammetta l-ħtija tiegħu fl-assassinju ta' Caruana Galizia, biex sar l-ewwel persuna ħatja f'dan il-qtil li sar nhar is-16 ta' Ottubru 2017. 

Intant il-Koħħu rrakkonta wkoll x'ġara wara li nqatlet il-ġurnalista u kif oriġinarjament il-pjan kien li din tinqatel billi jisparawlha.  Spjega kif kienu jsegwuha, saħansitra viċin tad-dar tagħha.  Il-Koħħu jispjega fil-fatt kif darba kienu baqgħu jsegwuha sas-2:00 a.m, bilqiegħda fuq is-sufan tuża l-laptop tagħha u darba oħra segwewha sal-Belt Valletta fejn marret mal-familja tagħha, fil-lejl tan-Notte Bianca. 

More in Politika