Il-Qorti titlob investigazzjoni u passi kriminali kontra partijiet fil-każ ta' Fenech li setgħu ħarġu siltiet mill-WhatsApp chats

Minkejja li l-Avukati ta' Fenech talbu li jittieħdu passi kontra l-gazzetta ILLUM il-Maġistrat tagħmel referenza għall-fatt li l-gazzetta qatt ma ppubblikat siltiet identiċi minn dawn il-messaġġi

Il-Maġistrat Rachel Montebello qed titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga u jekk hemm bżonn jieħu passi kriminali kontra dawk il-persuni li huma parti mill-każ ta' Yorgen Fenech u li kellhom kopja jew aċċess għal messaġġi tal-WhatsApp bejnu u terzi persuni u li għaddew din l-informazzjoni lill-midja.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Avukati ta' Yorgen Fenech talbu lill-Maġistrat biex tinvestiga kmamar tal-aħbarijiet li ppubblikaw partijiet mill-WhatsApp chats ta' Fenech u saħqu li dawn għandhom ikunu akkużat li qed ixekklu l-ħidma tal-Qorti.

L-Avukati kienu qed jirreferu għal artikli ppubblikati fuq il-gazzetta ILLUM, u t-Times of Malta u li, fi kliemhom, ma kellhomx jiġu mxandra fuq ordni tal-Qorti.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello fakkret li hi kienet ordnat, fit-30 ta' Novembru 2020, biex dawn il-messaġġi u din l-informazzjoni sensittiva u li hi parti mill-proċeduri, ma jkunux ikkomunikati lil terzi persuni.

Il-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha qalet li l-artikli inkwistjoni fihom referenza manifesta għal messaġġi bejn Fenech u terzi persuni. Qalet ukoll li l-pubblikazzjonijiet kollha, għajr l-artiklu tal-gazzetta ILLUM tal-21 ta' Frar 2021, jipprodużu siltiet identiċi ta' dawn il-messaġġi.

Fi storja esklussiva, il-gazzetta ILLUM kienet spjegat kif uffiċjal ogħli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ta struzzjonijiet lil Fenech biex jimbotta 'l quddiem storja fuq The Times of Malta u The Malta Independent, kontra tnejn mill-kollegi tiegħu. Il-gazzetta rrapportat li Fenech kien tkellem ma' ċertu "Ivan" u li kien tah €10,000.

"Huwa ta’ tħassib serju l-fatt li dawn il-pubblikazzjonjiet mill-kontenut  qed isiru bl-iktar mod frekwenti bi ksur tal-ordnijiet mogħtija speċifikatament u espressament mill-Qorti.  Ta’ min ifakkar li dawn l-ordnijiet huma intiżi għall-ħarsien tal-integrità tal-atti u l-evidenza formanti parti mill-proċess kriminali u fuq kollox, għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-imputat fil-proċeduri kriminali li għaddejjin fil-konfront tiegħu u konsegwentement, huma neċessarji f’socjetà demokratika għall-protezzjoni tal-interessi tal-ġustizzja minkejja u lil hinn mid-dritt, fost oħrajn, tal-libertà tal-espressjoni," saħqet il-Maġistrat.

Kien għalhekk, li l-Maġistrat talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga u jekk hemm bżonn, jieħu passi kriminali kontra l-partijiet fil-każ li kellhom u għandhom aċċess għal din l-informazzjoni u li setgħu għaddewha lill-midja.

Il-Qorti qed tordna wkoll lir-Reġistratur tal-Qorti biex jieħu l-passi legali neċessarji kontra l-awturi ta' artikli li dehru fuq it-Times of Malta u li fihom saret referenza diretta għal siltiet minn dawn il-WhatsApp Chats.

More in Qrati u Pulizija