L-Avukati ta' Yorgen Fenech jakkużaw tliet kmamar ta' aħbarijiet li qed ixekklu l-ħidma tal-Qorti

Dan għax ippubblikaw jew ħarġu stejjer dwar Whatsapp chats li Yorgen Fenech kellu ma' diversi persuni

L-Avukati ta' Yorgen Fenech qed jisħqu li kmamar tal-aħbarijiet li ppubblikaw partijiet mill-WhatsApp chats ta' Fenech għandhom ikunu akkużat li qed ixekklu l-ħidma tal-Qorti.

F'talba li għamlu dalgħodu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, li qed tmexxi l-kumpilazzjoni kontra Fenech, l-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca għamlu referenza għal artikli ppubblikati fuq il-gazzetta ILLUM, il-MaltaToday u t-Times of Malta u li, fi kliemhom, ma kellhomx jiġu mxandra fuq ordni tal-Qorti.

Tnejn mill-istess avukati, qed ikunu akkużati li pprovaw ixaħħmu ġurnalist.

Fi storja esklussiva, il-gazzetta ILLUM kienet spjegat kif uffiċjal ogħli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ta struzzjonijiet lil Fenech biex jimbotta 'l quddiem storja fuq The Times of Malta u The Malta Independent, kontra tnejn mill-kollegi tiegħu. Il-gazzetta rrapportat li Fenech kien tkellem ma' ċertu "Ivan" u li kien tah €10,000.

Fi storja oħra, ippubblikata fuq il-gazzetti msemmija, issemma kif id-Deputata Rosianne Cutajar kienet talbet l-għajnuna ta' Yorgen Fenech għal sondaġġ politiku fid-distrett tagħha. Ħarġu wkoll stejjer oħra fuq kif Cutajar, allegatament, ħadet €9,000 mingħand Fenech u anke stejjer oħra li jinvolvu lil Johann Buttigieg meta kien għadu chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Flimkien ma' din it-talba, l-avukati ta' Fenech ippreżentaw ukoll USB li tinkludi kopja ta' dawn iċ-chats ma' Keith Schembri, Rosianne Cutajar, Johann Buttigieg and Heathcliff Farrugia, biex juru kif il-kmamar tal-aħbarijiet ikkwotaw minnhom.

Insistew li dan sar minkejja li l-Qorti wissiet kemm-il darba kontra l-pubblikazzjoni ta' dawn iċ-chats. Saħqu li wara li l-Qorti għamlet din it-twissija, il-pubblikazzjonijiet saħansitra żdiedu.

"Ħadd mhu 'l fuq mil-liġi," qalu l-Avukati.

Insistew li l-pubblikazzjoni ta' dawn iċ-chats poġġew lil Fenech f'dawl ikrah, partikolarment fost ħafna Maltin li wħud minnhom jistgħu saħansitra jintagħżlu bħala ġurati fil-każ tiegħu.

More in Qrati u Pulizija