L-Avukat Ġenerali joġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest ta' Keith Schembri u oħrajn; Il-Qorti tiddeċiedi għada

Keith Schembri qed ikun akkużat b'ħasil ta' flus, frodi, iffalsifikar ta' dokumenti, korruzzjoni u ġurament falz

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, flimkien ma' missieru Alfio Schembri, sieħbu fin-negozju, Malcom Scerri u anke l-kontrolattur finanzjarju Robert Zammit, se jkunu qed iqattgħu lejl ieħor fil-ħabs hekk kif il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech se tkun qed tiddeċiedi dwar din it-talba għada filgħodu. 

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qiegħed joġġezzjona għal din it-talba tad-difiża.

Keith Schembri qed ikun akkużat b'ħasil ta' flus, frodi, iffalsifikar ta' dokumenti, korruzzjoni u ġurament falz. 

L-erba rġiel tressqu l-Qorti flimkien ma' seba' persuni oħra, fosthom Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT. Kollha kemm huma, ħlief l-eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Vince Buhagiar, inżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

Huma ġew arrestati, investigati u akkużati quddiem il-Qorti wara l-konklużjonijiet ta' żewġ inkjesti maġisterjali, waħda dwar tixħim mill-bejgħ tal-passaporti u l-oħra dwar allegazzjoni ta' tixħim bejn Keith Schembri u l-eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman.

X'ħareġ illum mill-kumpilazzjoni?

Fost oħrajn, tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza, Emmanuel Schembri, mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji, ta d-dettalji ta' diversi tranżazzjonijiet li kienu jinvolvu l-kumpanija BTI Management Ltd. B'kollox, il-kumpanija kellha seba' kontijiet bankarji mal-BOV u sitt karti tal-kreditu.

Id-diretturi ta' Nexia BT, Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna kellhom ukoll kont li fih saru 22 tranżazzjoni li jammontaw għal €600,000 fosthom ċekkijiet minn kumpaniji fil-British Virgin Islands u f'Ġibilta u li s-sid benefiċjarju tagħhom kien Keith Schembri.

Il-kumpaniji offshore huma Colson Services Ltd u Malmos. Kien hemm ukoll tranżazzjoni minn Loft, kumpanija tal-mara ta' Keith Schembri.

Intant, żewġ uffiċjali tal-Pulizija xehdu dwar l-arrest ta' Alfio Schembri u spjegaw kif dan ikkopera mal-Pulizija. Mid-dar tiegħu ġew elevati seba' mowbajls, laptop u dokument dwar kumpanija tal-istess Alfio Schembri. Minn safe fid-dar, ġew elevati €11,000.

Id-Difiża għamlet ukoll il-kontro-eżami tal-prosekuzzjoni, fosthom tal-Ispettur Anne Marie Xuereb. L-Avukat Mark Vassallo staqsa dwar il-kumpanija Willerby Trading, kumpanija fil-BVI ta'  Brian Tonna u li Karl Cini u Manuel Castagna kellhom ishma fiha.

L-inkjesta fuq dawn l-istrutturi bdiet wara allegazzjoni ta' tixħim mill-bejgħ tal-passaporti Malti lil tliet Russi. Vassallo staqsa jekk dawn it-tliet Russi kinux mitkellma mill-Pulizija dwar dan it-tixħim.

L-Ispettur Xuereb spjegat kif dawn it-tliet Russi xehdu fl-injesta maġisterjali u qalu li ma kellhomx idea li dawn il-flus kienu użati għal tixħim. Għalhekk il-Pulizija ma ħassitx li kellha terġa' tikkuntatjahom.

Dwar it-tranżazzjoni suspettuża ta' €100,000 li għaddew bejn Tonna u Schembri, id-Difiża staqsiet lill-Ispettur jekk kellmux lil Caroline Tonna.

Fil-fatt, Schembri qed jisħaq li dawn il-flus kienu ħlas lura għal flus li kien sellef lil Tonna fi żmien li kien qed jissepara biex ma jispiċċax dahru mal-ħajt. Il-prosekuzzjoni, madanakollu, fl-aħħar jiem, tefgħet dubju fuq dan u saħqet li Tonna kellu biżżejjed flus u ma kienx se jispiċċa dahru mal-ħajt.

L-Ispettur reġgħet tenniet dan illum u saħqet li Tonna ma kellux bżonn jissellef flus mingħand Keith Schembri.

"Ma nemmnux li dan kien 'self,' iżda qatt ma għidna li dan kien tixħim," wieġbet l-Ispettur. 

Aqra aktar:

More in Qrati u Pulizija