Il-prosekuzzjoni xettika fuq il-€100,000 li Schembri ta lil Tonna bħala 'self' minħabba proċeduri ta' separazzjoni

Dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni kontra Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna, is-sidien ta' Nexia BT u l-financial controller tagħhom Katrin Bondin Carter 

Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna, is-sidien ta' Nexia BT u l-financial controller tagħhom Katrin Bondin Carter, flimkien ma' oħrajn, dalgħodu kienu l-Qorti hekk bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrihom.

Tul il-kumpilazzjoni, il-prosekuzzjoni ppreżentat madwar 50 dokument mimlija evidenza rigward allegazzjonijiet ta’ tixħim mill-bejgħ tal-passaporti, strutturi ta’ kumpaniji offshores, loans suspettużi u anke mill-inkjesta Hillman-Schembri.

L-Ispettur Anne Marie Xuereb tkellmet fid-dettall dwar il-pagament ta' €100,000 li għaddew mingħand Tonna għal għand Keith Schembri.

Il-prosekuzzjoni qalet li Keith Schembri baqa’ jisħaq li €100,000 li għaddew minn Tonna għal għand Schembri kienu ħlas lura għal self li kien tah fi żmien li kien qiegħed għaddej minn proċess ta’ separazzjoni.

Madanakollu, l-ispettur tefgħet dubju fuq dan għax fi kliemha, Tonna kellu ħafna flus f’idejh u fil-bank u li għalhekk ma kien se jkollu l-ebda problema finanzjarja kawża tal-proċess tas-separazzjoni.

Qalet li f’inkjesta separata, Schembri u Tonna xehdu li ma jiftakrux meta u kif għaddew dawn il-flus.

L-Ispettur ippreżentat lill-Qorti tliet dokumenti bid-dettalji dwar dan il-ftehim, bejn iż-żewġ akkużati.

L-Ispettur qalet li Brian Tonna kien iżomm kont ta’ kollox, sal-inqas ċenteżmu li kellu, iżda dwar dan is-self, ftit li xejn kien hemm informazzjoni, lanqas dwar kif saret it-tranżazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll lill-Qorti li Keith Schembri rċieva pagamenti ta’ €50,000 u €100,000, mingħand persuni Russi fil-kont bankarju tiegħu f’Pilatus.

Hu mifhum li dawn il-pagamenti kienu riżultat ta’ xiri tal-passaport Malti mill-istess Russi, li xtrawhom bl-għajnuna ta’ BT International. 

Willerby Trading, kumpanija offshore ta’ Tonna, bagħtet invoices lil dawn it-tliet persuni għall-bejgħ tal-passaporti Maltin, l-istess kif għamlet BT International u dan qajhem suspett ukoll.

Fil-fatt, fil-kontijiet ta’ Willerby, l-ammonti li daħlu kienu mniżżla bħala dħul mill-bejgħ, filwaqt li fil-kotba ta’ BT International kienu mniżżla sempliċiment bħala dħul.

BT International biss kienet approvata biex topera bħala aġent tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.

Dwar l-inkjesta Hillman-Schembri, l-ispettur innutat ukoll irregolaritajiet fl-invoices dwar ix-xiri ta’ apparat għall-istampar.

Schembri qal lill-Pulizija li hu u Nexia BT kienu qablu li jixtru t-tagħmir mill-Istati Uniti. Il-pagamenti għaddew minn diversi kumpaniji, f’pajjiżi u postijiet diffirenti, biex il-kumpanija tħallas mill-inqas taxxa.

L-erba’ akkużati tressqu l-Qorti nhar is-Sibt li għadda u wieġbu mhux ħatja, iżda nżammu arrestati flimkien ma' għaxar persuni oħra, akkużati wkoll b'korruzzjoni, frodi u ħasil tal-flus, inkluż l-eks Chief of Staff, Keith Schembri.

Vince Buhagiar, eks direttur ta' Allied Newspapers ukoll tressaq il-Qorti iżda kien l-uniku wieħed mill-11-il persuna, li ngħataw il-ħelsien mill-arrest.

Fost oħrajn, il-Qorti imponiet ukoll l-iffriżar tal-assi ta' Tonna u Cini u l-kumpaniji assoċjati magħhom li huma: Nexia BT, Nexia BT Limited, BT International Limited, Nexia BT Advisory Services Limited, BTI Services Limited, SPX u Willerby Trading.

Il-kumpanija Nexia BT kienet spiċċat fuq l-aħbarijiet wara li kienet fetħet tliet kumpaniji fil-Panama, Tillgate tal-eks Ministru Konrad Mizzi, Hearnville tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u Egrant, li Tonna kien qal illi hija tiegħu. 

Cini, speċifikament, kellu ismu jidher fil-famuża email żvelata minn Daphne Project illi fiha, l-istess Cini, jgħid illi Hearnville u Tillgate huma klijenti ta' 17 Black li wara rriżuta illi kienet ta' Yorgen Fenech u li fiha daħlu $1.6 miljun, li $1.4 miljun minnhom kienu mill-Ażerbajġan. 

Cini kien qal illi l-kumpaniji ta' Mizzi u Schembri se jagħmlu maż-żewġ miljun dollaru fl-ewwel sena, jew €5,000 kuljum minn attivtajiet ta' riċiklaġġ u turiżmu minn pajjiżi bħall-Indja u l-Bangladesh.

More in Politika