Ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono lliberat mill-akkużi miġjuba kontrih

Huwa kien akkużat, fost oħrajn li wettaq xogħlijiet f'postijiet privati, b'fondi pubbliċi

Tony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, ġie lliberat mill-akkużi li saru fil-konfront tiegħu, jiġifieri li wettaq xogħlijiet f'postijiet privati b'fondi tal-Ministeru.

Kien akkużat ukoll li ordna numru ta’ xogħlijiet għall-voti, li ħareġ irċevuti foloz u anke b'miżaproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

Debono ma nstab ħati tal-ebda akkuża li tressqet fil-konfront tiegħu.

Dan hekk kif il-Qorti t’Għawdex, ippreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, qalet li ma kienx hemm biżżejjed provi biex juru li Debono huwa fil-fatt ħati. 

Għadni kemm għamilt kuntatt ma' Giovanna Debono hekk kif ir-raġel tagħha llum ġie lliberat fil-Qorti ta' Għawdex. Fraħt...

Posted by Bernard Grech on Wednesday, 24 March 2021

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat ikkritika wkoll lill-Pulizija u qal li dan il-każ kellu jkun investigat aħjar mill-Pulizija. Qal illi kieku l-Pulizija għamlet xogħolha sew, l-akkużat x'aktarx li ma kienx jitressaq il-Qort u jiġi akkużat b'reati kriminali serji.

Il-whistleblower f'dan il-każ kien wieħed mill-kuntratturi stess li kien qal li baqa' qatt ma tħallas għal xogħlijiet li kien wettaq. Kien qal li kellu jingħata €50,000.

Joseph Cauchi, kien ingħata status ta' whistleblower, wara li s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kien talab lill-Pulizija tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.

L-allegazzjonijiet kienu l-ewwel ippubblikati fuq il-gazzetta MaltaToday meta l-Partit Nazzjonalista kien tilef l-elezzjoni.

Wara din l-allegazzjoni, kien hemm tliet kuntratturi oħra Għawdxin li kienu għamlu allegazzjonijiet simili, jiġifieri li tqabbdu mill-Ministeru t'Għawdex biex jagħmlu xogħlijiet fil-kostruzzjoni għal residenzi privati jew negozji.

L-akkużi kienu waslu biex Giovanna Debono tirriżenja mill-Parlament fl-2015.

Id-Difiża kienet ippreżentat l-invoices ta' Cauchi u qalet li dawn kienu ffalsifikati għax ix-xogħlijiet qatt ma seħħew.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-prosekuzzjoni biex tħallas l-ispejjeż kollha marbuta mal-każ.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li ħadd mhu 'l fuq mil-liġi, speċjalment dawk il-persuni li jkunu taw servizz lill-poplu.

"Iżda kif dejjem kont tal-fehma li l-familja Debono spiċċat il-Qorti intortament, illum is-sewwa rebaħ u bdiet issir ġustizzja ma' din il-familja," saħaq Grech.

More in Qrati u Pulizija