Tonna u Cini tan-Nexia BT akkużati bi frodi, ħasil ta' flus u xhieda falza - Jinżammu arrestati l-ħabs

Iffriżati l-assi ta' erba' persuni:  Tonna, Cini, Castagna u Bondin Carter

Brian Tonna fil-vann tal-Pulizija
Brian Tonna fil-vann tal-Pulizija

Brian Tonna u Karl Cini mill-kumpanija Nexia BT li kienet fuq l-aħbarijiet għal dawn l-aħħar snin iddaħħlu l-Qorti fejn iffaċċjaw numru ta' akkużi kontrihom.  Tressqet ukoll quddiem il-Qorti l-Kontrollur Finanzjarju tan-Nexia BT Katrin Bondin Carter kif ukoll Manuel Castagna sieħeb f'Nexia BT. 

L-erbgħa persuni qed ikunu akkużati fil-Qorti b'ħasil ta' flus, frodi u xhieda falza, fost oħrajn. 

Huma kollha wieġbu mhux ħatja. 

Il-Kumpaniji involuti ma' dawn l-erba' akkużati huma:  Nexia BT, Nexia BT Limited, BT International Limited, Nexia BT Advisory Services Limited, BTI Services Limited, SPX and Willerby Trading.

Il-Qorti ordnat li l-assi ta' dawn il-kumpaniji u tal-persuni in kwistjoni jiġu ffriżati u li huma jkollhom aċċess biss għal madwar €13,000 - prassi normali fl-iffriżar tal-assi. 

Il-Maġistrat Charmaine Galea ma tilqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest u allura dawn l-akkużati kollha se jibqgħu arrestati.

Il-kumpanija Nexia BT spiċċat fuq l-aħbarijiet wara illi fetħet tliet kumpaniji fil-Panama, Tillgate tal-eks Ministru Konrad Mizzi, Hearnville tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u Egrant - li Tonna kien qal illi hija tiegħu.  Cini  - speċifikament - kellu ismu jidher fil-famuża email żvelata minn Daphne Project illi fiha l-istess Cini jgħid illi Hearnville u Tillgate huma klijenti ta' 17 Black li wara rriżuta illi kienet ta' Yorgen Fenech u li fiha daħlu $1.6 miljun, li $1.4 miljun minnhom kienu mill-Ażerbajġan. 

Cini kien qal illi l-kumpaniji ta' Mizzi u Schembri se jagħmlu maż-żewġ miljun dollaru fl-ewwel sena, jew €5,000 kuljum minn attivtajiet ta' riċiklaġġ u turiżmu minn pajjiżi bħall-Indja u l-Bangladesh. 

 

More in Qrati u Pulizija