L-avukati Mercieca u Caruana Curran jitpoġġew taħt att ta' akkuża fuq każ ta' tixħim

Iż-żewġ avukati li qed jirrapreżentaw lil Yorgen Fenech jitpoġġew taħt Att ta' Akkuża mill-Qorti dalgħodu

L-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran
L-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran

Il-Qorti - ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras - iddeċidiet illi hemm biżżejjed provi biex l-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca jitpoġġew taħt Att ta' Akkuża fuq l-attentat tixħim tal-ġurnalist Ivan Martin. 

Hija osservat illi fil-każ ta' Caruana Curran id-difiża ma kkontestatx l-akkużi prima facie, filwaqt li fil-każ ta' Mercieca id-Difiża qalet illi kien hemm "nuqqas assolut ta' evidenza."  Il-Qorti iżda ma qablitx ma' dan u qalet illi l-avukat kellu diversi laqgħat ma' Martin, inkluż waħda fl-uffiċċju tiegħu.  Dan apparti li f'diversi risposti mibgħutha lil diversi Kmamar tal-Aħbarijiet wara li l-allegazzjonijiet saru pubbliċi dejjem jintuża l-plural u fl-ebda ħin, dawn l-allegazzjonijiet jew iċ-ċaħda tagħhom ma ġiet attribwita biss għal Caruana Curran.  

F'digriet separat il-Qorti laqgħet l-oġġezzjonijiet tad-difiża dwar l-esebizzjoni tal-istqarrija ta' Martin lill-pulizija.  Kien argumentat illi peress li Martin kien diġa' ta xhieda u ma kienx iddikjarat bħala xhud ostili, l-istqarrija tiegħu ma tistax tkun esebita. 

Il-ġurnalist kien mar għand il-Pulizija jirrapporta konverżazzjoni illi fiha huwa jistqarr li ġie offrut bejn "żewġ u erba' karti tal-€500."

Caruana Curran u Mercieca qed jirrapreżentaw lil Yorgen Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Fl-aħħar seduta il-Qorti semgħet kif Martin kien irċieva messaġġ fuq il-WhatsApp minn Mercieca li staqsieh biex jiltaqgħu l-uffiċċju tiegħu, fil-Belt Valletta.  Waqt din il-laqgħa Caruana Curran, Mercieca u Martin iddiskutew serje ta' stejjer fil-forma ta' kampanja biex jkun skreditat Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista. 

 

More in Qrati u Pulizija