Raġel akkużat li xtara munizzjon illegalment, jingħata ħelsien mill-arrest għar-raba' darba

Raġel jingħata ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li xtara munizzjon illegalment.

Raġel ta' 35, residenti Ħal Qormi, tressaq il-Qorti ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo akkużat li xtara munizzjon illegalment. Skont l-akkużi fit-12 ta’ Frar hu xtara mingħand raġel ta' 47 sena residenti f’Baħar iċ-Ċaghaq, żewġ kaxxi ta' munizzjon għal arma tan-nar.

Il-Qorti ħarget divjet fuq isem il-persuna li biegħ l-munizzjon lill-akkużat meta tressaq nhar it-Tnejn li għadda quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. Huwa kien ammetta l-akkuża li forna l-munizzjon filwaqt li ġie kkundannat għal disa' xhur ħabs sospiżi għal sena.

Din kienet ir-raba' talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Tnejn minnhom fuq akkużi ta' traffikar ta' droga u t-tielet waħda fuq reati ta' ħasil tal-flus. Hu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest preċedenti tiegħu. L-Ispettur Shawn Pawney oġġezzjona għat-talba tal-pleġġ magħmula mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia, iżda din ġiet annullata. L-akkużat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,000.

More in Qrati u Pulizija