Raġel kien akkużat illi seraq oġġetti b'valur ta' bejn €70,000 u €80,000, f'serq li dam għaddej tliet xhur sħaħ u li beda f'Novembru.
L-Isetturi Saviour Baldacchino, Colin Sheldon u Jonathan Ransley ressqu lir-raġel - ta' 49 sena minn Birżebbuġa - quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.
Hu kien akkużat b'xejn inqas minn 21 serqa li seħħew f'diversi lokalitajiet.
L-Ispettur Baldacchino qal lill-Qorti li fil-garaxx tiegħu nstabu diversi mill-oġġetti misruqa u li l-akkużat kellu rekord kriminali li jmur lura għas-snin 90. F'eku ta' dak li qalu l-avukati tal-akkużat - Franco Debono u Amadeus Cachia - l-Ispetturi sostnew illi dan kien ġej minn familja tajba u li kellu sfond tajjeb ukoll. Kien imexxi ristorant, imma ħajtu marret il-baħar meta beda jkun involut fil-kokaina.
Filwaqt li faħħret il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin id-Difiża sostniet illi l-akkużat għandu, idealment, ikun f'istituzzjoni fejn persuna tista' tingħata l-attenzjoni għal kontra l-vizzju. Il-Qorti iżda fakkret li din l-għajnuna tista' tingħata fl-istess faċilità.
L-akkużat inżamm taħt il-kustodja tal-pulizija.