Il-vittma ta' attakk vjolenti fl-Aħrax tal-Mellieħa ma jidher imkien biex jixhed kontra l-aggressuri

Tliet irġiel kienu akkużati illi rabtu lil raġel ma' siġra u tawh xebgħa fl-Aħrax tal-Mellieħa - jirriżulta li l-vittma kellu d-dejn ma' wieħed mill-aggressuri

Il-każ dwar raġel Slovakk li ntrabat ma' siġra u ngħata xebgħa fl-Aħrax tal-Mellieħa qed jiffaċċja sfida partikolari hekk kif il-vittma ma jistax jinstab sabiex ikun jista' jixhed. 

Tliet irġiel, ta' 49 sena, 47 sena u 22 sena rispettivament qed jiġu akkużati bi ħtif, serq, li żammew persuna kontra l-volontà tagħha u li kkawżaw ġrieħi fuq il-vittma.  Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Maġistrat Audrey Demicoli dalgħodu illi l-allegat vittma jidher illi ta indirizz falz lill-pulizja u kull darba li pprovaw iċemplulu hu beda jaqta'. 

Il-vittma kellu d-dejn ma' wieħed mill-akkużati, qalet il-Prosekuzzjoni li spjegat ukoll kif dawn sabu lill-vittma ġo bar il-Mellieħa minn fejn ħaduh sal-karozza.  Fil-karozza rabtulu jdejh u saqu lejn l-Aħrax tal-Mellieħa fejn neżżgħuh, rabtuh ma' siġra u tawh xebgħa. 

L-ingwanti li libsu l-irġiel biex tawh ix-xebgħa instabu fil-kamra tal-lukanda fejn kienu qed joqgħodu l-akkużati, qal l-Ispettur filwaqt ukoll illi l-flokk mċappas bid-demm tal-vittma ukoll instab fil-kamra. 

Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla. 

L-Ispetturi Jessica Bezzina, Ryan Mario Vella u Joseph Busuttil qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Stefano Filletti u Stephen Tonna Lowell qed imexxu d-Difiża.

More in Qrati u Pulizija