Żewġ irġiel arrestati l-Marsa wara li jinstabu b'pussess ta' ħaxixa u droga sintetika

B'kollox iż-żewġt irġiel jinstabu 31 pakkett ħaxixa tal-kannabis, 13-il raża tal-kannabis u 20 pakkett droga sintetika ... apparti sejba oħra ta' droga f'Ħaż-Żabbar

Ftit mid-droga li nstabet il-Marsa
Ftit mid-droga li nstabet il-Marsa

Il-ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, mir-Rapid Intervention Unit u mill-Pulizija tad-Distrett wasslet għal suċċess ieħor b’aktar arresti ta’ persuni fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga, lesta għat-traffikar.

Ilbieraħ filgħodu, waqt ronda mill-Iskwadra tar-RIU u l-Pulizija ta’ Kontra d-Droga f’diversi ġonna fil-Marsa, innutaw żewġ persuni suspettużi, raġel mis-Somalja ta’ 23 sena u raġel mill-Gambja ta’ 27 sena.

Iż-żewġt irġiel ġew iċċirkondati u saret tfittxija fuqhom li rriżultat li kienu fil-pussess ta’ 31 pakkett ħaxixa tal-kannabis, 13-il raża tal-kannabis u 20 pakkett droga sintetika.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta. Huma mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum.

F’operazzjoni oħra, din id-darba mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar, il-Ħamis illi għadda twaqfet vettura BMW suspettuża fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żabbar. Saret tfittxija fuq iż-żewġ persuni li kienu fil-vettura, mara ta’ 29 sena li kienet qiegħda ssuq u ġuvni ta’ 21 sena, u instabu grinder b’sustanza suspettata kannabis u żewġ boroż b’ammont ta’ sustanza suspettata kannabis kif ukoll ponn tal-ħadid.

Fuq il-ġuvni nstabu żewġ boroż b’sustanza suspettata kannabis. Wara iktar investigazzjoni u tfittxijiet, fuq il-mara rriżulta ukoll li kellha joint. Iż-żewġ persuni ġew arrestati u ttieħdu fil-Lock-up tal-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.

Il-mara mistennija titressaq ukoll aktar tard illum. 

More in Qrati u Pulizija