Id-difiża titlob li jitwaqqaf ir-rappurtaġġ dwar il-każ imma l-Qorti ma tilqax it-talba

Il-Qorti iżda titlob li tittieħed azzjoni kontra xi ġurnalisti li f'artiklu taw l-impressjoni li Fenech huwa diġa' ħati ...

 

Yorgen Fenech
Yorgen Fenech

Id-Difiża fil-każ kontra Yorgen Fenech talbet li jitwaqqaf ir-rappurtaġġ tal-każ fuq il-midja u dan wara wkoll li qrat artiklu ppubblikat fuq gazzetta li jiddeskrivi lil Fenech - akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - bħala l-persuna li hija fil-fatt ħatja tar-reat li bih li qed jiġi akkużat.  Dan irriżulta hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra l-intraprenditur. 

Il-Maġistrat Rachel Montebello fakkret li Fenech huwa persuna magħrufa f'każ li huwa ta' interess pubbliku u allura ma jistax jitwaqqaf ir-rappurtaġġ fuq il-mezzi tax-xandir.  Fakkret ukoll li hi diġa' pprojbixxiet il-ħruġ ta' informazzjoni minn terzi ta' data li hemm fil-mowbajl tal-akkużat. 

Minkejja dan il-Maġistrat xorta sostniet li dibattitu dwar il-każ għandu jkun evitat, filwaqt li sostniet li r-rappurtaġġ fuq il-midja għandu jkun marbut mal-proċeduri għaddejjin fil-Qorti. 

Intant il-Qorti ordnat ukoll li tittieħed azzjoni kontra l-awturi tal-artikli msemmijin mid-difiża, li mhux ċar liema huma. 

F'mument minnhom ukoll kien hemm diskussjoni dwar noti neqsin, mogħtija mill-pulizija lid-difiża, inkluż uħud li huma relatati ma' tweġibiet lill-pulizija mill-Ġojja, il-persuna li kien iltaqa' mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.  L-Ispettur Keith Zahra qal iżda li dawn in-noti ma ngħatawx għax huma dwar każi differenti li ma jistgħux ikunu preġudikati. 

Kien intqal li l-Ġojja u l-eks Kummissarju ddiskutew fost oħrajn ir-rekordings ta' Melvin Theuma, li kienu kruċjali fil-każ li għaddej bħalissa kontra l-istess Yorgen Fenech.  Minnhom inkixfu diversi rabtiet, fosthom bejn Fenech u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta.

 

More in Qrati u Pulizija