Wieħed miż-żgħażagħ akkużati bil-qtil ta' Saviour Gaffarena jingħata l-ħelsien mill-arrest

Schembri, li għandu 18-il sena u sieħbu Leon Debono ta’ 19-il sena, qed jiġu akkużati li qatlu lil Saviour Gaffarena u li kkawżaw ġrieħi serji fuq kuġinuh Vince Gaffarena

Owen Schembri
Owen Schembri

Owen Schembri, wieħed miż-żewġ żgħażagħ akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena f’Lulju li għadda, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €35,000 u depożitu ta’ €15,000.

Schembri, li għandu 18-il sena u sieħbu Leon Debono ta’ 19-il sena, qed jiġu akkużati li qatlu lil Saviour Gaffarena u li kkawżaw ġrieħi serji fuq kuġinuh Vince Gaffarena. 

Gaffarena, li għandu 27 sena, instab mejjet, b’tir f’rasu, fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Vinve Gaffarena ntlaqat b’tir f’sidru u f’wiċċu, imma salva.

F’deċiżjoni mogħtija dalgħodu, l-Imħallef Edwina Grima, saħqet li ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li l-kondotta taż-żagħżugħ hija nadifa u anke l-fatt li l-proċeduri jinsabu fi stadju avvanzat.

Ħadet ukoll inkonsiderazzjoni l-fatt li Vince Gaffarena għażel li ma jixhidx biex ma jgħid xejn li bih jista’ jinkrimina lilu nnifsu.

Apparti d-depożitu u l-garanzija personali, li daħal għalihom missier Schembri, iż-żagħżugħ irid isegwi curfew. Tpoġġa wkoll taħt osservazzjoni proviżorja.

L-akkużat l-ieħor, Leon Debono, ma talabx il-ħelsien mill-arrest u jinżamm arrestat. 

L-Avukati Arthur Azzopardi, Alfred Abela u Rene Darmanin qed jidhru għal Schembri. L-Avukati Giannella DeMarco u Stephen Tonna Lowell qed jassistu lil Debono.

More in Qrati u Pulizija