Misjuba ħatja li ttraffikaw nisa għall-prostituzzjoni ... seba' snin ħabs għal koppja li mexxiet burdell

Il-koppja kienu jmexxu l-burdell fi stabbiliment tal-massaġġi f'San Ġiljan

Sid ta’ stabbiliment tal-massaġġi u s-sieħba tiegħu ngħataw sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li l-Qorti sabithom ħatja li ttraffikaw in-nisa għall-prostituzzjoni.

Il-koppja kienu tressqu l-Qorti akkużati li kienu qed imexxu briedel, anke jekk kienu jidhru u jirreklamawhom bħala stabbilimenti tal-massaġġi.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-assi kollha tal-koppja u anke l-istabbilimenti.

Iż-żewġ persuni wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Tul il-każ, xehdu wkoll uħud min-nisa li ġew ittraffikati u spjegaw kif kienu kostretti jgħixu f’akkomodazzjoni f’kundizzjonijiet ħżiena.

Waħda kienet ħallset €7,800 biex tiġi taħdem Malta bħala terapista tal-massaġġi. Malli waslet fl-Oriental Massage Parlour, f’San Ġiljan, kienet ordnata twettaq atti sesswali u ġie mhedda li jekk ma tagħmilx dan, il-permess tagħha biex taħdem f’Malta jiġi rrevokat u titkeċċa mill-pajjiż.

Kienet taħdem mid-9am sal-10pm fost il-ġimgħa u sa nofsinhar fil-weekends mingħajr leave. Kienet tħallas ukoll €150 fix-xahar biex tkun tista’ tgħix fl-istabbiliment.

Lanqas ma kellha paga fissa. Kienet tieħu biss €5 minn fuq kull €25 li tagħmel.

Is-sentenza tal-Qorti hija twila 87 paġna u fiha l-Maġistrat tispjega l-krudeltà estrema li biha l-koppja kienet titratta lil dawn in-nisa.

“Neżżgħuhom mid-dinjità tagħhom u anke ċaħdulhom id-drittijiet bażiċi tagħhom,” saħqet il-Maġistrat.

Insistiet li f’każi bħal dawn, il-Qorti għandha dmir li tibgħat messaġġ ċar li dawn l-atti ma għandhom l-ebda post fis-soċjetà.

Il-koppja appellat mis-sentenza.

More in Qrati u Pulizija