Eks kappillan jeħel il-ħabs; Kien jieħu ritratti ta' tfal waqt li qed jinħaslu

Huwa nstab ħati li abbuża minn adoloxxent li kien imur ma' adoloxxenti oħra f'dar tal-irtiri

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza kontra eks kappillan li kien instab ħati li abbuża minn adoloxxent.

Donald Bellizzi, li kien parti mill-Ordni tal-Franġiskani Konventwali u li għal xi żmien serva wkoll bħala Kappillan ta' Burmarrad, instab ħati f'Ġunju li għadda li kkorrompa adoloxxent li kien imur miegħu f'dar tal-irtiri.

Is-saċerdot kien tressaq il-Qorti akkużat li kkorrompa tifel u anke żewġ minuri oħra, li pparteċipa f'atti sesswali magħhom u li anke pproduċa u xerred materjal pornografiku. Madanakollu kien instab ħati tal-ewwel żewġ akkużi biss.

Bellizzi kien appella mis-sentenza u saħaq li fost affrirjiet oħra, il-kuntatt sesswali kien konsenswali u saħansitra saħaq li s-sentenza mogħtija lilu hija eċċessiva.

L-abbuż seħħ f'żewġ djar tal-irtiri fis-sajf tal-2010. Il-vittma kien fost ħames żgħażagħ oħra li marru jqattgħu jumejn f'kunvent wara li wrew ix-xewqa li jsiru saċerdoti.

Fil-Qorti kien instema' kif is-saċerdot kien jieħu ritratti tal-adoloxxenti meta kienu jkunu qed jinħaslu.

Min-naħa tiegħu, il-vittma kien qal li temm ir-relazzjoni tiegħu mal-eks Kappillan meta kellu 17-il sena.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li s-sentenza mogħtija lill-eks Patri ma kinitx eċċessiva meta wieħed iqis il-ħsara li huwa għamel lill-vittma.

Il-Qorti kkonfermat ukoll l-ordni ta' protezzjoni fil-konfront tal-vittma u ordnat lill-eks Patri biex ma jersaqx jew ikellem lill-vittma.

More in Qrati u Pulizija