Ma jinstabx ħati li kellu x'jaqsam ma' debba imma ħati li sawwatha u taha bis-sieq

Il-Maġistrat Joe Mifsud b'appell u messaġġ ċar kontra l-moħqrija tal-annimali

Il-Qorti ma sabitx raġel ħati illi allegatamnent kien qed ikollu x'jaqsam sesswalment ma' annimali f'razzett Għawdxi iżda sabitu ħati illi kkaġuna uġiegħ, tbatija jew dwejjaq lill-annimali u nstab ħati wkoll li nhar fl-1 ta' Ottubru 2020 għall-ħabta tal-5:45 p.m u fil-ġranet ta' qabel ukoll daħal fi proprjetà privata ta' raħħal Għawdxi. 

Kien dan ir-raħħal Għawdxi li fil-fatt allega illi dan ir-raġel, ta' 22 sena minn Niġerja, kien qed joffendi l-pudur jew il-morali billi fil-fatt ikollu x'jaqsam ma' debba li kellu fir-razzett tiegħu.

Il-Qorti fil-fatt sabet lir-raġel ħati illi sawwat lid-debba, taha bis-sieq u waddbilha kemm rim u anke tyre.  Minkejja li għalhekk sabitu ħati ta' moħqrija, ma sabitx li r-raġel kellu x'jaqsam mal-annimal, anke jekk qalet li l-inkwiet u t-tħassib tar-raħħal in kwistjoni seta' kien ġustifikat. 

Fid-dawl ta' dan il-Qorti kkundannat liż-żgħażugħ sena ħabs u ordnatu jħallas multa ta' €3,000.  Il-Qorti talbitu wkoll jħallas €384 fi spejjeż.  

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-Qorti qed tibgħat messaġġ ċar kontra min jaħqar l-annimali u jfakkar li l-moħqrija hija "inaċċettabbli".  Il-Maġistrat saħansitra jgħid li f'dan il-qasam il-poplu Malti  ma tantx għandu biex jiftaħar b'diversi rapporti ta' moħqrija kontra annimali "illi jiddistrubaw."   Ifakkar illi l-annimali għandhom ħames drittijiet bażiċi, fosthom li jkunu ħielsa mill-biża' u li jkunu meħlusa mill-ġuh u l-għatx.

Il-Qorti sabet ukoll lir-raġel ħati ta' vjolazzjoni ta' proprjetà privata. 

 

More in Qrati u Pulizija