Delitt Imqabba | Il-kuġini Gaffarena kienu għaddew bil-karozza għall-akkużati qabel sar id-delitt

Jidher li nqala' argument meta l-erbat iħbieb kienu fil-karozza

Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed evidenza biex tpoġġi taħt att ta’ akkuża lil Leon Debono u Owen Schembri, iż-żewġ żgħażagħ akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena li seħħ il-ġimgħa li għaddiet.

Huma qed ikunu akkużati wkoll li kkawżaw ġrieħi fuq il-kuġin ta’ Saviour, Vince Gaffarena, li qal lill-Pulizija kif dakinhar li seħħ id-delitt, huwa kien għadda flimkien ma’ kuġinuh għall-aggressuri. Dan ifisser li l-erbat iħbieb kienu flimkien fil-karozza qabel id-delitt.

L-Ispettur Kurt Zahra, fix-xhieda tiegħu, spjega kif skont dak li qalilhom Vince Gaffarena, kien hu li beda jsuq. Bilqiegħda ħdejh kien hemm Owen Schembri li miegħu kellu arma tan-nar u beda jurih kif taħdem. Saviour Gaffarena kien bilqiegħda fuq wara ma' Leon Debono.

Jidher li ħin minnhom qam argument, anke jekk Vince qal lill-Pulizija li ma kienx jaf dwar xiex.

Kien hawn li skont il-vittma, Leon sparalu tir f’wiċċu u tir f’sidru. Vince Gaffarena ħarab mill-karrozza. Leon kien għadu jispara, tant li laqtu darbtejn oħra.

Saviour Gaffarena, skont l-Ispettur, instab b’tir wieħed f’rasu.

Il-Pulizija interrogat ukoll żagħżugħ ieħor, ta’ 17-il sena, li huwa ħabib taż-żewġ akkużati, li qal lill-Pulizija kif kien mat-tfajla tiegħu qed isegwu l-aħbarijiet meta għaraf il-vettura. Qalilhom li kien jaf li Owen Schembri kellu jkun mal-vittma.

Kompla jispjega kif beda jipprova jċempel lil Schembri u ma setax jaqbdu, sakemm dan ċempillu u qallu biex imur ħdejh.

Skont dan ix-xhud, meta wasal ħdejh, Schembri qallu ċar u tond li kien hu li spara u dan wara li Vince Gaffarena heddu b’sikkina.

X’sar mill-arma?

Skont l-Ispettur, Schembri rema l-arma tad-delitt f’parapett ta’ blokka ta’ appartamenti.

Dan l-istess żagħżugħ ta’ 17-il sena ġabar l-arma, żarmaha u pprova jarmi l-biċċiet fi tliet bnadi differenti. 

Dan iż-żagħżugħ tela’ jixhed illum ukoll, bil-Qorti attent biex joqgħod attent xi jgħid għax ix-xhieda tiegħu tista' tinkriminah. Huwa ammetta quddiem il-Qorti li pprova jeħles mill-arma.

Insista kif marru għand in-nanna ta’ Schembri u t-tliet akkużati kienu kontinwament qed jittawlu mit-tieqa.

Xehed kif qabel sar id-delitt, Schembri kien darba minnhom urih arma tan-nar li kien iżomm fil-kamra tas-sodda tiegħu.

Qal li din kienet l-istess arma tan-nar li biha seħħ id-delitt.

More in Qrati u Pulizija