Supretendent u żewġ Spetturi jitressqu l-Qorti akkużati li abbużaw mill-ħlas tas-sahra

32 uffiċjal ieħor mistennija jitressqu fil-jiem li ġejjin quddiem erba’ maġistrati differenti

Supretendent tal-Pulizija u żewġ Spetturi tressqu l-Qorti llum akkużati li abbużaw mill-ħlas tas-sahra tal-Pulizija, każ li tista’ tgħid heżżeż it-Taqsima tat-Traffiku fi ħdan il-Korp.

It-tliet uffiċjali tressqu l-Qorti taħt arrest dalgħodu u wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. 32 uffiċjal ieħor mistennija jitressqu fil-jiem li ġejjin quddiem erba’ maġistrati differenti.

L-allegati abbużi, li t-tliet uffiċjali kienu akkużati bihom, huma relatati mas-sahra li ħadmu biex jikkontrollaw it-traffiku waqt il-kostruzzjonital-flyover tal-Marsa.

L-Ispettur Bernard Bruce, f’isem il-prosekuzzjoni, spjega lill-Maġistrat Audrey Demicoli kif kien irċieva ittra mingħand whistleblower li kienet tallega li l-Pulizija kienu qed jabbużaw mis-sahra.

Minn hemm bdiet investigazzjoni sħiħa fosthom fuq is-sistema ta’ datatrack li kienet installata fuq il-muturi tal-Pulizija tat-traffiku. 

Fil-fatt, minn din l-informazzjoni miġbura, irriżulta li kien hemm Pulizija li mhux vera kienu l-Marsa fil-ħinijiet li fihom niżlu s-sahra.

Irriżulta wkoll li minn 27 datatrackers li kienu installati fuq il-muturi, seba’ biss kienu qed jaħdmu. 

“Fil-maġġoranza tal-każi, id-data miġbura uriet kif il-Pulizija kienu jkunu fi bnadi oħra u mhux fejn indikat minnhom,” spjega wieħed mix-xhieda.

Fil-Qorti ġie spjegat ukoll kif l-uffiċjali rritornaw is-€47,000 li allegatament ħadu b’qerq u għalhekk ma saret l-ebda talba għall-iffriżar tal-assi tagħhom.

Apparti minn hekk, instabu wkoll diversi chats fuq Whatsapp fejn l-uffiċjali kienu jiftehmu kif se jaħdmu s-sahra u kif se jitħallsu. 

Il-Qorti qalet li jidher li hemm biżżejjed evidenza biex l-uffiċjali jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Il-każ ikompli fit-22 ta’ Settembru.

More in Qrati u Pulizija