Jerġa' jispiċċa l-Qorti wara li l-uffiċjali tal-ħabs sabulu pornografija tat-tfal fuq il-mowbajl

Ir-raġel qed jiskonta sentenza ta' ħabs wara li kien instab ħati li uża passaport falz

Raġel ta’ 34 sena mit-Togo ċaħad l-akkużi li kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal u dan wara li l-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabulu ritratti ta’ tfal fil-mowbajl tiegħu.

Ir-raġel tressaq il-Qorti dalgħodu, akkużat li kien fil-pussess u xerred ir-ritratti.

Hu mifhum li r-ritratti nstabu f’wieħed mill-ħames mowbajls li kellu. Dawn instabu meta l-uffiċjali tal-ħabs kienu qed jiċċekjaw l-affarijiet tiegħu qabel iddaħħal il-ħabs akkużat li uża passaport falz.

L-Avukat tiegħu, Joe Mifsud, qed jikkontesta l-validità tal-arrest tar-raġel. Huwa insista li r-raġel ma nstab li kien fil-pussess ta’ xejn u ma jistax jifhem għaliex reġa’ ttella’ l-Qorti taħt arrest.

L-Ispettur Camilleri saħaq li l-akkużat intbagħad il-ħabs wara li nstab ħati li għamel użu minn passaport falz u kellu joħroġ fis- 16 ta’ Marzu.

Saret talba għall-ħelsien mill-arrest, anke jekk ir-raġel jinsab il-ħabs u l-Qorti għadha se tiddeċiedi.

More in Qrati u Pulizija