George Degiorgio jisħaq li t-telefonati interċettati biex jintużaw kontrih huma illegali

Degiorgio qed jisħaq li l-Prosekuzzjoni baqgħet qatt ma tat dawn it-telefonati interċettati lill-Qorti u għalhekk ma għandhomx jintużaw kontrih

Wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, George Degiorgio, fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex jisħaq li telefonati tiegħu li ġew interċettati mill-Pulizija u li qatt ma ntużaw fil-Qorti, huma illegali u għalhekk ma għandhomx jibqgħu fir-rekord tal-każ.

Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Degiorgio, ħuh u Vinve Muscat, il-Pulizija qalu li għamlu użu minn konverżazzjonijiet tat-telefon biex jimmoniterjaw lill-akkużati u anke l-moviment tal-bomba stess.

Madanakollu, l-ebda waħda minn dawn il-konverżazzjonijiet interċettati ma ġiet ippreżentati fil-Qorti bħala evidenza.

L-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għal Degiorgio, saħaq li dan u anke l-fatt li ma kien l-ebda mandat mill-ministru responsabbli mis-servizzi ta’ sigurtà li jawtorizza l-informazzjoni mit-telefonati, jitfgħu dubji serji fuq kemm dawn ġew interċetatti b’mod legali 

L-Avukat Cuschieri qed jisħaq li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, anke jekk jafu kemm hi importanti din l-evidenza għall-każ, għażlu li jippreżentawhiex fil-Qorti. Għalhekk insista li dan ifisser li jew it-telefonati mhux vera ġew interċettati jew inkella saru b’mod illegali.

L-avukat kompla jisħaq li l-attenzjoni mogħtija mill-midja lil dawn il-konverżazzjonijiet hekk kif deskritti mill-Prosekuzzjoni,  daqs li kieku saru b’mod legali,” kisru l-preżunzjoni tal-innoċenza.

Għalhekk, Degiorgio qed jisħaq li t-telefonati interċettati kisru d-drittijiet fundamentali tiegħi.

Huwa qed jitlob lill-Qorti biex tneħħi “kull evidenza miksuba b’mod illegali.”

Degiorgio qed jitlob ukoll li jingħata kumpens.

More in Qrati u Pulizija