Jitressaq il-Qorti akkużat li ta xebgħa lis-sieħba tiegħu fl-għassa tal-Pulizija

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li jitressaq il-Qorti akkużat b'vjolenza domestika

Raġel ta' 36 sena li tressaq il-Qorti mixli li ta xebgħa lis-sieħba tiegħu fl-għassa tal-Pulizija tan-Naxxar illum ingħata l-libertà proviżorja.

Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, akkużat li kkaġuna feriti gravi fuq il-mara, kiser il-paċi pubblika, b’theddid u li ġiegħelha tibża mill-użu ta' vjolenza kontriha.

Apparti minn dawn l-akkużi, hu ġie mixli li hedded, insulta u ħebb għall-spettur tal-Pulizija u żewġ uffiċjali oħra.

Ir-raġel, li ismu mhux se jkun qiegħed jixxandar bl-għan li tiġi protetta l-allegata vittma, hu mifhum li ta daqqa ta’ ponn lill-mara fin-Naxxar il-Ħadd illi għadda. Iżda jihder li huwa baqa’ miexi warajha sal-għassa fejn hemmhekk kompla jsawwatha quddiem il-Pulizija.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li talab għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispetturi Eman Hayman u Clayton Camilleri oġġezzjonaw għal din it-talba u qalu li l-akkużat ma kienx ta’ min jafdah.

“Il-mara kienet marret l-għassa tal-pulizija miksija bid-demm,” qal l-ispettur. Huwa żied jgħid li l-akkużat kien ħalef li jieħu vendetta kontra dawk li jieħdu passi kontrih.

L-Avukat Franco Debono madankollu kkritika lill-prosekuzzjoni. “Kont nistenna li l-prosekuzzjoni tgħid li r-raġel kellu ferita fl-idejh ikkawżata minn ħġieġ mkisser li bih il-mara ppruvat tigirfu u li fi Triq il-Kosta l-mara ppruvat tieħu kontroll tal-karozza bil-konsegwenza li kienu se jaħbtu."

Fis-sentenza tagħha l-Qorti aċċettat it-talba tad-difiża għall-libertà proviżorja fuq depożitu personali ta’ €6000 u garanzija personali ta’ €8000. Huwa ġie ordnat jiffirma ktieb tal-ħelsien mill-arrest kuljum.

L-Avukat Amadeus Cachia deher ukoll għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija