Il-Qorti tiċħad it-talba ta' raġel li tilef €60,000 f'negozju tal-importazzjoni tad-deheb

Il-Qorti tisma' kif l-applikant għażel li ma jiktibx lilu nnifsu bħala azzjonist minħabba l-biża li jitlef benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali

 

Raġel li tilef €60,000 li kien investa f’negozju ta’ importazzjoni tad-deheb mis-Sierra Leone illum tilef każ li fetaħ sabiex jirkupra lura l-investiment tiegħu.

Ir-raġel kien fetaħ każ kontra l-eks sieħeb tiegħu, li flimkien ma’ persuna oħra mill-Libja għażlu li jibdew jimportaw id-deheb lejn Malta. Il-kumpanija kienet irreġistrata f’isem id-difensur. 

Il-Qorti semgħet kif l-applikant kien investa €60,000 f’dan in-negozju u nefaq €4,800 oħra fi spejjeż varji. Skont il-ftehim tagħhom, huwa kien se jirċievi flusu kollha lura u 33% tal-profitti finali. Ta' minn jinnota li f’dan il-perjodu l-prezz tad-deheb kien US$33,000 kull kilo.

Madanakollu, jirriżulta li wara xi żmien l-applikant baqa' ma rċieva l-ebda pagament, bis-sieħeb tiegħu jinformah li l-flus kienu ġew investiti x’imkien ieħor minħabba li l-prezz tad-deheb kien inbidel u minħabba l-epidemija tal-Ebola.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-applikant kien fetaħ każ il-Qorti sabiex jieħu lura flus li kien investa. Huwa argumenta li dawn il-flus kienu self u mhux investiment kif beda jargumenta d-difensur.

Apparti minn hekk, l-applikant saħaq li huwa kien jafda bi sħieħ f’sieħbu u li ffirma karta mingħajr kundizzjonijiet minħabba l-insistenza ta’ sieħbu.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-argumenti tal-applikant ma kinux realistiċi. “L-applikant ibbaża l-azzjonijiet tiegħu fuq self u mhux frodi. Fl-istess waqt huwa għażel li ma jitniżżilx bħala azzjonist biex ma jitlifx il-benefiċċji soċjali.” Żiedet tgħid li r-raġel għażel li ‘jilgħab' bi flusu mingħajr ma jipproteġi l-istess investiment. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Qorti ċaħdet l-argumenti tal-applikant.

More in Qrati u Pulizija