Missier jieħu lill-ibnu l-għassa biex jammetti li kien hu li faqa' ħġieġ ta' karozzi

Iż-żagħżugħ jitressaq il-Qorti fejn ingħad li għandu l-problema tad-droga

Missier addottiv ħa lill-ibnu stess fl-għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema biex jirrapporta li kien hu li kisser twieqi ta’ karozzi f’Tas-Sliema stess.

Iż-żagħżugħ li għandu 24 sena mis-Somalja tressaq il-Qorti llum akkużat li wettaq ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor.

Jidher li l-istess żagħżugħ huwa magħruf mal-Pulizija u għandu l-vizzju tad-droga.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi.

L-Avukat Gianluca Caruana Curran informa lill-Qorti li l-akkużat kien għaddej minn żmien diffiċli minħabba d-droga.

Il-missier qal lill-Qorti li kien lest iħallas għall-ħsara li wettaq iż-żagħżugħ.

Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest sakemm ikun lest rapport dwar il-ħsara mwettqa.

Il-Qorti laqgħet it-talba u tat liż-żagħżugħ il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €300u garanzija personali ta’ €2,700.

Kien ordnat isegwi wkoll curfew.

More in Qrati u Pulizija