Sitt nisa u raġel arrestati wara rejd fi stabbilimenti tal-massaġġi li nbiddlu fi briedel

Fl-istabbilimenti nstabu kontraċettivi u anke kaxxi mimlija baby oil

Sitt nisa u raġel ġew arrestati u tressqu l-Qorti akkużati bi prostituzzjoni wara li l-Pulizija wettqet rejds fuq għadd ta’ stabbilimenti Ċiniżi tal-massaġġi. 

L-Ispettur John Spiteri semma kif il-Pulizija kienet qed tinvestiga rapporti mingħand diversi residenti fil-Mosta dwar stabbilimenti tal-massaġġi li setgħu kienu qed jintużaw bħala briedel.

L-investigazzjoni wasslet għal rejds fil-Fgura, f’Birkirkara u anke f’Raħal Ġdid fejn ġew arrestati ħames nisa li kienu qed jaħdmu bħala prostituti u l-koppja li kienet qed timpjegahom.

Filmati tas-CCTV, kontraċettivi u anke kaxxi mimlija baby oil ġew elevati mill-istabbilimenti tal-Belle Massage u ntwerew fil-Qorti.

L-ewwel ma tressqu kienu raġel ta’ 65 sena u l-mara tiegħu ta’ 47 sena. Il-koppja kienet tamministra erba’ stabbilimenti.

Fuq il-mowbajl, ir-raġel kellu filmati tas-CCTV bil-klijenti jidhru ċari.

L-Ispettur saħaq kif in-nisa setgħu jidhru mit-triq, liebsa b’mod suġġestiv, mill-5pm ‘il quddiem.

Il-koppja tressqu akkużati li kienu qed jaqilgħu minn fuq il-prositutuzzjoni u li kienu qed imexxu burdell.

It-tnejn li huma wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Fil-Qorti nstema’ kif huma kkoperaw mal-Pulizija. It-tnejn li huma ngħataw sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €450 kull wieħed.

Wara tressqu ħames nisa Ċiniżi, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-33 u l-42 sena.

In-nisa, li daħlu Malta b’mod legali, kienu akkużati li pparteċipaw f’burdell u li kienu qed jitlajjaw għall-fini tal-prostituzzjoni.

Huma wieġbu mhux ħatja. 

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u nżammu arrestati.

More in Qrati u Pulizija