Immigrant jinstab fil-pussess tal-kannabis waqt l-ispezzjoni fil-Paloma

L-akkużat wieġeb mhux ħati waqt li saħaq li d-droga kienet għalih u li kien xtraha minn Buġibba ftit jiem qabel

L-ispezzjoni li saret fil-lukanda Paloma f’San Pawl il-Baħar spiċċat biex il-Pulizija tarresta wieħed mill-immigranti residenti u tressqu l-qorti akkużat b’pussess tad-droga.

Dan wara li fl-istess spezzjoni, l-immigrant instab fil-pussess ta’ reżina u ħaxixa tal-kannabis.

Fil-Qorti nstema’ kif meta l-immigrant intalab jagħti d-dokumenti lill-Pulizija, fil-pouch fejn kellu d-dokumenti tal-ivjaġġar, maħruġ mill-Italja, kellu wkoll droga kannabis.

L-akkużat wieġeb mhux ħati waqt li saħaq li d-droga kienet għalih u li kien xtraha minn Buġibba ftit jiem qabel.

“Mistoqsi jekk kienx jaf li s-sustanzi kienu llegali, l-akkużat ma weġibx,” qalet il-Prosekuzzjoni

L-akkużat ma riedx li jkollu avukat.

Il-Qorti ħatret espert biex jinvestiga l-kontenut tal-pouch.

Il-każ ikompli f’Ottubru.

More in Qrati u Pulizija