Il-ġuri ta’ Emanuel Borg – “Il-martell kien f’idejna t-tnejn, mhux f’idi biss.”

Il-ġuri ta’ Emanuel Borg daħal fil-fażi finali wara ġimgħa ta’ xhieda mediċi, forensiċi u psikjatriċi, kif ukoll ix-xhieda tal-akkużat innifsu. Filwaqt li l-prosekuzzjoni sostniet li attakka lil martu b’martell waqt li kienet rieqda, id-difiża argumentat li l-ġrieħi seħħew waqt taqbida bejn il-koppja

Il-ġuri ta’ Emanuel Borg, ir-raġel ta’ 68 sena akkużat li pprova joqtol lil martu billi allegatament sawwatha b’martell fid-dar tagħhom fil-Mellieħa, beda matul din il-ġimgħa b’sensiela ta’ xhieda mediċi, forensiċi, familjari u psikjatriċi, qabel l-akkużat innifsu ta l-verżjoni tiegħu ta’ dak li ġara. 

Filwaqt li l-prosekuzzjoni sostniet li Borg attakka lil martu waqt li kienet rieqda wara argument, id-difiża ressqet verżjoni kompletament differenti, fejn sostniet li l-ġrieħi seħħew waqt taqbida bejn il-koppja fuq martell. 

Il-każ tal-prosekuzzjoni 

Skont il-prosekuzzjoni, il-każ għandu l-għeruq tiegħu f’argument dwar flus, wara li Emanuel Borg allegatament talab lil martu €300 u din irrifjutatu. Il-prosekuzzjoni sostniet li wara dan l-argument, Borg daħal fil-kamra tas-sodda fejn martu kienet rieqda u sawwatha ripetutament b’martell f’rasha u f’wiċċha. 

Il-Qorti semgħet ukoll kif kien l-akkużat stess li ċempel għall-ambulanza, filwaqt li lill-pulizija allegatament qalilhom biex jarrestawh wara li ammetta li kien aggredixxa lil martu. 

Xhieda tal-familja u x-xena tad-delitt 

Ulied il-koppja taw rendikont ta’ dak li sabu wara l-inċident. Kevin Borg xehed li sab lil ommu midruba serjament u akkumpanjaha l-isptar, filwaqt li Nadine Parnis irrakkuntat kif marret fid-dar u sabet ammont kbir ta’ demm mal-art, fuq is-saqqu, fuq l-imħaded u anke fuq il-kelb tal-familja. 

Hija qalet li bdiet tnaddaf id-demm sabiex it-tfal ma jarawx ix-xena malli jaslu d-dar, iżda aktar tard il-pulizija qalulha biex ma tmiss xejn. Ritratti li ħadet dakinhar ġew ippreżentati fil-Qorti, flimkien ma’ evidenza dwar il-martell li nstab aktar tard fil-pixxina. 

Il-ġurati semgħu wkoll dwar allegati tensjonijiet bejn il-koppja relatati ma’ mara Filippina li, skont diversi xhieda, Borg kien jixtieq iġib Malta biex taħdem. 

Esperti mediċi: ġrieħi serji u diversi daqqiet 

It-tobba u l-esperti forensiċi taw stampa dettaljata tal-ġrieħi li sofriet Maria Dolores Borg. 

Il-Qorti semgħet kif il-mara sofriet diversi qsim f’wiċċha u f’rasha, fosthom ksur fil-kranju, fil-parti tal-imnieħer u fil-wiċċ, kif ukoll ġrieħi li kienu kkawżati minn oġġett iebes u tqil. 

L-esperti mediċi spjegaw li l-ġrieħi kienu konsistenti ma’ diversi daqqiet, filwaqt li wieħed mit-tobba ċċertifika li l-mara kienet tinsab f’periklu ta’ mewt meta ddaħħlet l-Isptar Mater Dei. Intqal ukoll li minkejja li ma nstab l-ebda dannu dirett fil-moħħ, hija baqgħet issofri ċikatriċi permanenti. 

Is-saħħa mentali tal-akkużat 

Il-ġuri sema’ wkoll diversi xhieda dwar l-istorja psikjatrika ta’ Emanuel Borg. 

Il-psikjatra tiegħu spjegat li kien ilu snin ibati bid-dipressjoni u kien taħt kura medika, filwaqt li kien qed jieħu antidepressivi u mediċini oħra. Hija xehdet li fl-aħħar appuntament qabel l-inċident kien jidher stabbli. 

Min-naħa tagħha, il-vittma kienet ġiet segwita wkoll wara l-aggressjoni minħabba ansjetà, diffikultajiet biex torqod u problemi ta’ konċentrazzjoni li żviluppaw wara dak li ġara. 

“Il-martell kien f’idejna t-tnejn” 

Fl-aktar mument mistenni tal-ġuri, Emanuel Borg tela’ jixhed fid-difiża tiegħu u ċaħad li qatt ma attakka lil martu waqt li kienet rieqda. 

Huwa qal lill-ġurati li kollox beda b’argument dwar €300 li ried juża biex jirranġa kamra fejn kien iżomm il-prodott agrikolu tiegħu. 

Skont Borg, martu qabdet martell li kien jinsab fil-kċina u hedditu bih, iżda meta pprova jneħħih minn idejha, it-tnejn spiċċaw jiġbdu fuqu. 

“Il-martell kien f’idejna t-tnejn, mhux f’idi biss.” 

Borg sostna li waqt din it-taqbida martu laqtet lilha nnifisha bil-martell u li kollox seħħ fi ftit sekondi. Qal ukoll li hekk kif ra d-demm, ippanikkja u ċempel immedjatament għall-ambulanza. 

Huwa ċaħad ukoll il-verżjoni tal-prosekuzzjoni li sawwat lil martu waqt li kienet rieqda. 

Il-pass li jmiss 

Wara li nstemgħu x-xhieda kollha, is-Sibt beda l-indirizz tal-Imħallef lill-ġurati, fejn qed jagħtihom id-direzzjonijiet legali u jfakkarhom fil-provi li tressqu matul il-ġuri. 

Wara li jintemm l-indirizz, il-ġurati għandhom jirtiraw għad-deliberazzjonijiet qabel jagħtu l-verdett tagħhom dwar jekk Emanuel Borg huwiex ħati jew le tal-akkużi miġjuba kontrih. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Lennox Vella qed jirrappreżentaw lill-akkużat.

More in Qrati u Pulizija