'MEXXI'

Fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, id-difiża tiffoka fuq Keith Schembri

Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech - akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju u li kkummissjona u ffinanzja l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 - kompla dil-ġimgħa, bid-difiża tpoġġi lil Keith Schembri fiċ-ċentru tal-proċeduri.  

Wara li l-prosekuzzjoni temmet il-preżentazzjoni tax-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, id-difiża ħadet f’idejha l-kontroeżami u ddedikat jiem sħaħ biex tisfida l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

Matul din il-ġimgħa, il-Qorti semgħet mistoqsijiet dwar passi investigattivi, rapporti li allegatament qatt ma waslu għand il-Pulizija, il-kuntatti ta’ Keith Schembri ma’ Melvin Theuma u l-proċess li wassal għall-maħfra presidenzjali.  

Fl-istess ħin, il-ġurati ġew ippreżentati b’evidenza forensika estensiva li rrikostruwiet fid-dettall il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, inklużi ritratti grafiċi tax-xena tar-reat u tal-awtopsja.

Fil-kontroeżami ta’ Arnaud mid-difiża, ħareġ ċar li l-avukati ta’ Fenech ħa jkunu qed jiffukaw fuq l-irwol li allegatament kellu Keith Schembri, dak iż-żmien Chief of Staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Waħda mill-aktar xhieda sinifikanti waslet meta Arnaud ikkonferma li Melvin Theuma kien qal lill-investigaturi li kien jibża’ minn Schembri u kien jemmen li seta’ “joqtlu jew idaħħlu l-ħabs”. Fl-istess ħin, Arnaud qal ukoll li Theuma baqa’ jikkomunika ma’ Yorgen Fenech sal-aħħar. 

Fir-rigward tal-qtil, Arnaud qal li Fenech dejjem ċaħad li qatt ħallas biex titwettaq il-qtil.

Skont Arnaud, Fenech allegatament qal li wara li tkellem ma’ Keith Schembri u rċieva l-kmand “Mexxi”, mar lura għand Melvin Theuma u qallu biex ikompli bil-pjanijiet li kien għamel.

More in Qrati u Pulizija