It-tieni ġimgħa tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech
It-tieni ġimgħa tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech rat lill-prosekuzzjoni tgħaddi għall-fażi tal-evidenza forensika wara jiem ta’ kontroeżami intens ta’ Keith Arnaud mid-difiża. Il-proċeduri kienu jinkludu mistoqsijiet dwar l-investigazzjoni, xhieda grafika mix-xena tar-reat u analiżi teknika tal-FBI dwar id-data taċ-ċellulari marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
minn Jaelle Borg
Nota: Dan l-artiklu ġie aġġornat sal-proċeduri tas-Sibt sal-11am.
It-tieni ġimgħa tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech kienet ikkaratterizzata minn bidla ċara fid-direzzjoni tal-proċeduri. Wara li l-prosekuzzjoni temmet il-preżentazzjoni tax-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, id-difiża ħadet f’idejha l-kontroeżami u ddedikat jiem sħaħ biex tisfida l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Matul din il-ġimgħa, il-Qorti semgħet mistoqsijiet dwar passi investigattivi, rapporti li allegatament qatt ma waslu għand il-Pulizija, il-kuntatti ta’ Keith Schembri ma’ Melvin Theuma u l-proċess li wassal għall-maħfra presidenzjali.
Fl-istess ħin, il-ġurati ġew ippreżentati b’evidenza forensika estensiva li rrikostruwiet fid-dettall il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, inklużi ritratti grafiċi tax-xena tar-reat u tal-awtopsja.
Il-ħames jum: Jibda l-kontroeżami ta’ Keith Arnaud
Il-ħames jum tal-ġuri mmarka l-bidu ta’ fażi ġdida fil-proċeduri hekk kif il-prosekuzzjoni għalqet il-preżentazzjoni tax-xhud ewlieni tagħha, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, u d-difiża bdiet il-kontroeżami.
L-Avukat Giannella De Marco ffukat fuq diversi aspetti tal-investigazzjoni li, skont id-difiża, jew ma ġewx investigati biżżejjed jew inkella tqajmu dubji dwarhom. Fosthom kien hemm is-sorveljanza li kienet qed issir fuq l-aħwa Degiorgio qabel il-qtil, il-preżenza tal-Pulizija qrib id-dar ta’ Daphne Caruana Galizia, il-laqgħat li l-investigaturi kienu jagħmlu f’Kastilja u rapport li allegatament kien jindika lil Keith Schembri u Chris Cardona bħala persuni ta’ interess.
Arnaud insista li s-sorveljanza fuq gruppi kriminali organizzati kellha ssir b’kawtela biex ma tikxifx l-operazzjonijiet tal-Pulizija, filwaqt li sostna li l-laqgħat f’Kastilja kienu jsiru fuq talba tal-investigaturi stess biex jiġu diskussi deċiżjonijiet marbuta mal-investigazzjoni u mal-maħfriet presidenzjali.
Il-Qorti semgħet ukoll aktar chats u recordings irkuprati mill-mowbajl ta’ Yorgen Fenech, li kienu jinkludu diskussjonijiet dwar allegati pjanijiet biex jitlaq minn Malta, komunikazzjoni ma’ Keith Schembri u referenzi għall-abbozz tal-ftehim marbut mal-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma.
Is-sitt jum: Keith Schembri jsir il-fokus tal-kontroeżami
Is-sitt jum kien iddominat mill-isforz tad-difiża biex tpoġġi lil Keith Schembri fiċ-ċentru tal-proċeduri.
Waħda mill-aktar xhieda sinifikanti waslet meta Arnaud ikkonferma li Melvin Theuma kien qal lill-investigaturi li kien jibża’ minn Schembri u kien jemmen li seta’ “joqtlu jew idaħħlu l-ħabs”. Fl-istess ħin, Arnaud qal ukoll li Theuma baqa’ jikkomunika ma’ Yorgen Fenech sal-aħħar.
Il-kontroeżami kompla jdur fuq il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia, il-każ ta’ David Gatt, il-pjan allegat tal-qtil li ssemma fi proċeduri oħra u t-tliet apparati splussivi marbuta ma’ diversi attakki.
Parti sostanzjali mis-seduta kienet iddedikata lil Melvin Theuma. Arnaud spjega għaliex l-investigaturi għażlu li jħalluh ikompli jikkoopera qabel ma ġie arrestat u ddefenda l-proċess li wassal biex ingħata maħfra presidenzjali.
Il-Qorti semgħet ukoll dwar l-ittra li Adrian Vella allegatament wassal lil Yorgen Fenech wara li ġabarha mingħand Keith Schembri, kif ukoll dwar allegazzjonijiet ta’ ħlas ta’ €16,000 relatat mal-maħfra presidenzjali, li Arnaud qal li ma ġewx sostnuti mill-evidenza.
Is-seba’ jum: Il-ġurati jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom u jibda l-kapitlu forensiku
Is-seba’ jum ra t-tmiem tax-xhieda ta’ Keith Arnaud wara jiem ta’ eżami u kontroeżami.
F’mument mhux tas-soltu, il-ġurati stess għamlu sensiela ta’ mistoqsijiet direttament lix-xhud. B’mod sinifikanti, ħafna minnhom iffukaw fuq Keith Schembri, fosthom dwar kif Melvin Theuma kiseb impjieg, il-komunikazzjoni bejniethom u l-użu tal-mowbajl ta’ Schembri fil-lejl tas-26 ta’ Novembru 2019.
Arnaud qal li Schembri kien sostna li rrefera lil Theuma għand persuna oħra biex isib impjieg, filwaqt li kkonferma li l-investigaturi kienu sabu kuntatt bejn Adrian Vella u Schembri matul dak il-lejl.
Wara li ntemmet ix-xhieda ta’ Arnaud, il-ġuri daħal f’fażi ġdida b’sensiela ta’ xhieda forensiċi.
Is-Supretendent Antoine Cilia, il-Kuntistabbli Malcolm Cefai u esperti min-Netherlands Forensic Institute, iddeskrivew fid-dettall ix-xena tar-reat, filwaqt li ġew esebiti ritratti tal-vettura meqruda u spjegat kif il-mowbajl ta’ Daphne Caruana Galizia nstab taħt waħda mir-roti tal-karozza.
L-espert Olandiż Van Beest ikkonkluda li l-bomba kienet tqiegħdet ġewwa l-vettura, taħt is-seat tax-xufier, filwaqt li l-Eks Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi qabbel l-apparat splussiv ma’ dawk użati f’attakki oħra.
It-tmien jum: Il-Qorti tisma’ u tara l-aktar evidenza diffiċli tal-ġuri s’issa
It-tmien jum kien iddominat mill-preżentazzjoni ta’ evidenza forensika grafika li wasslet lill-ġurati quddiem uħud mill-aktar xeni diffiċli li dehru matul il-ġuri.
Il-Qorti rat ritratti tal-ġisem ta’ Daphne Caruana Galizia wara l-isplużjoni, tal-proċess tal-irkupru tiegħu u aktar tard ukoll stampi meħuda waqt l-awtopsja, filwaqt li l-Ispettur Kevin Manicolo spjega fid-dettall il-ġrieħi kkawżati mill-isplużjoni u l-proċess ta’ ġbir tal-provi mix-xena.
Ix-xhieda kompliet b’rakkont emozzjonanti minn xhud li kien qed isuq mill-Bidnija fil-mument tal-isplużjoni. Huwa rrakkonta kif ra lil Daphne Caruana Galizia tieqaf bil-vettura tagħha wara l-ewwel splużjoni, semagħha twerżaq u, ftit sekondi wara, ra l-karozza tittajjar għal ġo għalqa.
Żewġ residenti tal-Bidnija xehdu wkoll dwar vetturi suspettużi li kienu ilhom jinnutaw fiż-żona fil-ġimgħat ta’ qabel il-qtil.
Fl-istess seduta, esperti min-Netherlands Forensic Institute kkonfermaw ir-rapporti tagħhom dwar ix-xena tar-reat u l-analiżi tal-mowbajl ta’ Daphne Caruana Galizia. Wieħed minnhom spjega li, skont id-data analizzata, il-ġurnalista kienet qed taħdem fuq seba’ xenarji investigattivi differenti meta nqatlet, filwaqt li enfasizza li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi forensika u mhux biex jidentifika suspettati.
Id-disa’ jum: Aktar evidenza forensika tikkonferma kif kienet tqiegħdet il-bomba
Id-disa’ jum tal-ġuri kompla jiffoka fuq l-evidenza forensika, b’xhieda li kompliet tibni stampa dettaljata tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-investigazzjoni li segwiet.
Waħda mix-xhieda ewlenin kienet dik tat-tabib tal-mediċina forensika Mario Scerri, li wettaq l-awtopsja fuq il-ġisem tal-ġurnalista. Huwa spjega li l-qawwa tal-isplużjoni kienet tant kbira li partijiet mill-kranju nstabu għadhom fil-vettura, filwaqt li oħrajn kienu mifruxa madwar ix-xena tar-reat. Scerri kkonkluda li l-ġrieħi kienu konsistenti ma’ apparat splussiv imqiegħed taħt is-seat tax-xufier, b’kawża tal-mewt attribwita għall-effett tal-isplużjoni u telf massiv ta’ demm.
Il-Qorti semgħet ukoll kif l-investigaturi użaw analiżi forensika biex jidentifikaw il-punt eżatt tal-isplużjoni, filwaqt li tqabblu l-fdalijiet tal-vettura ma’ Peugeot 108 identika sabiex jiġu identifikati komponenti li setgħu kienu jagħmlu parti mill-apparat splussiv.
Matul il-ġurnata komplew jixhdu uffiċjali tas-Scene of Crime Officers (SOCO) dwar tfittxijiet li saru f’diversi lokalitajiet wara l-qtil, fejn ġew elevati armi, mowbajls, apparat elettroniku u oġġetti oħra ta’ interess għall-investigazzjoni. Xhieda oħra spjegaw kif ġew analizzati filmati tas-CCTV biex tinbena kronoloġija tal-movimenti ta’ dgħajsa marbuta mal-każ, filwaqt li membri tal-Forzi Armati ddeskrivew operazzjoni ta’ tfittxija taħt il-baħar fil-Marsa li wasslet għall-irkupru ta’ diversi mowbajls.
Il-ġurnata għalqet bix-xhieda ta’ espert fil-kimika li spjega kif ġew analizzati r-residwi tal-isplussiv miġbura mix-xena tar-reat, hekk kif il-prosekuzzjoni kompliet tibni l-każ tagħha permezz ta’ evidenza xjentifika u forensika.
L-għaxar jum: Espert tal-FBI jippreżenta analiżi tad-data taċ-ċellulari
L-għaxar jum tal-ġuri fetaħ bix-xhieda tal-espert tal-FBI Richard Fenner, li ġie Malta biex jippreżenta l-analiżi tiegħu tad-data taċ-ċellulari miġbura matul l-investigazzjoni.
Fenner spjega kif studja l-infrastruttura tan-network ċellulari f’Malta u analizza l-konnessjonijiet mat-torrijiet taċ-ċellulari qrib il-post tal-qtil fil-ħin li fih seħħ l-attakk. Huwa qal li minn 53 numru tat-telefown li kienu konnessi ma’ dak it-torri, wieħed spikka wara li waqaf jintuża ftit jiem wara l-qtil u kien ġie attivat biss tliet darbiet – f’Jannar, f’Awwissu u fil-jum tal-assassinju – fatt li, skontu, qajjem suspett fost l-investigaturi.
L-espert qal ukoll li l-analiżi wasslitu biex jidentifika żewġ numri tat-telefown li, skont il-konklużjonijiet tiegħu, intużaw biex tiġi attivata l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, kif ukoll tliet burner phones oħra li dehru jiċċaqilqu flimkien lejn l-istess żoni, mudell li ddeskriva bħala sinifikanti għall-investigazzjoni.
Matul ix-xhieda tiegħu, Fenner għadda lill-ġurija minn mapep, kalkoli u analiżi tekniċi li ntużaw biex jiġu stabbiliti l-movimenti tat-telefowns, filwaqt li qabbel ukoll id-data tal-burner phones ma’ dik tal-mowbajl personali ta’ Alfred Degiorgio. Skont l-analiżi tiegħu, il-lokalizzazzjoni u l-attività tat-telefown ta’ Degiorgio fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 2017 kienu konsistenti mal-movimenti li kienu diġà ġew identifikati permezz tad-data tan-network, qabel it-telefown reġa’ deher fuq in-network ftit wara l-ħin tal-isplużjoni.
