L-Avukat tal-Koħħu jippreżenta lista ta' akkużati b'omiċidju li ngħataw il-ħelsien mill-arrest

Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi jekk tagħtik il-ħelsien mill-arrest lil Vince Muscat

Il-Qorti Kriminali mistennija tiddeċiedi dwar jekk Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest jew le.

Il-Koħħu, li għandu 55 sena, qed jisħaq, permezz tal-Avukat Arthur Azzopardi li hemm diversi każi li jinvolvu qtil fejn l-akkużat ngħata l-ħelsien mill-arrest, tliet xhur wara li tressaq l-ewwel darba.

Azzopardi ppreżenta fil-Qorti lista ta’ dawk l-akkużati li ma nżammux arrestati għal aktar minn 20 xahar minkejja li huma akkużati b’omiċidju.

Fost dawn, huwa semma lil Liam Debono, Gerald Galea, Brian Cini, Paul Farrugia u Joe Cutajar.

“Ma nistgħux nibqgħu ngħidu li persuna għandha tinżamm arrestata għax hemm investigazzjoni għaddejja,” saħaq Azzopardi.

Huwa saħaq li każijiet oħra tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll jaqblu mal-argumenti tiegħu.

Fakkar li l-Liġi Maltija tpoġġi limitu ta’ 20 xahar għal kemm persuna għandha tinżamm taħt arrest preventiv.

Insista, li fil-każ ta’ Muscat, dan il-limitu nqabeż.

Deċiżjoni dwar din it-talba mistennija tittieħed fil-jiem li ġejjin.

More in Qrati u Pulizija