Wieħed mill-irġiel li daħlu fuq anzjana biex jisirquha huwa akkużat bi qtil ta' Libjan

Ir-raġel għandu erba' każijiet oħra pendenti quddiem il-Qrati

Raġel b’għadd ta’ kundizzjonijiet imposti fuqu wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest minħabba diversi każijiet, inkluż ta’ qtil, kien it-tielet wieħed li tressaq akkużat wara serqa fuq mara anzjana fil-Belt Valletta.

Ir-raġel li għandu 37 u li huwa mil-Libja tressaq akkużat li flimkien ma’ żewġt irġiel oħra daħlu fuq mara anzjana li kienet fid-dar tagħha fil-Belt Valletta.

Huma żammew lill-mara, heddewha b’sikkina u talbuha biex tagħtihom il-flus li kellha.

Ir-raġel kien arrestat il-ġimgħa li għaddiet, iżda kellu jiddaħħal l-isptar u aktar tard kien irreferut għal għajnuna psikjatrika.

Huwa nħareġ mill-Isptar Monte Carmeli u nstab li kien f’kundizzjoni li jitressaq il-Qorti.

Apparti dan il-każ, ir-raġel qed ikun akkużat b’erba’ reati oħra, fosthom bil-qtil ta’ Mahmoud Elmejdi li kien inqatel b’daqqiet ta’ sikkina fil-Ħamrun f’Mejju tas-sena li għaddiet.

Huwa qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi li tressqu kontrih illum.

Il-Qorti ordnat li jinżamm arresat.

Iż-żewġt irġiel l-oħra wkoll inqabdu u tressqu l-Qorti fil-jiem li għaddew.

More in Qrati u Pulizija