Jinstab ħati illi seraq fajl tal-Qorti dwar każ ta' traffikar tad-droga

Wieħed miż-żewġ messaġġieri akkużati illi serqu fajl mill-Qorti dwar każ ta' traffikar ta' droga jinstab ħati

Wieħed mill-messaġġiera tal-Qorti akkużat li seraq fajl dwar każ ta' traffikar ta' droga instab ħati u tpoġġa taħt ordni ta' probation.

Iż-żewġ impjegati, it-tnejn mill-Belt Valletta, kienu investigati mill-pulizija wara li fajl b'evidenza kontra  raġel akkużat bi traffikar ta' droga, sparixxa mill-Qorti f'April 2017. 

Kien stabbilit illi l-aħħar persuni li kellhom aċċess għal dan il-fajl kienu ż-żewġ akkużati. 

It-tnejn weħħlu f'xulxin quddiem il-Qorti u qalu illi kienet il-persuna l-oħra li inizzjalment ġiet bl-idea. Wieħed xehed illi l-akkużat l-ieħor kien talbu biex jaħbi dan il-fajl u jsakkru ximkien. Hu kien ippanikkja u mar jirrapporta kollox lis-superjuri . L-akkużat l-ieħor imbagħad qal illi kien l-ieħor li staqsieh jekk iridx jagħmel il-flus billi jaħbi dan il-fajl partikolari. Hu qal li dan kien wiegħdu bejn €5,000 u €10,000 jekk jagħmel dak mitlub minnu. 

Il-Maġistrat Joe Mifsud, wara li analizza l-istqarrijiet tal-irġiel, sab illi l-verżjoni li tinkludi flus hija aktar kredibbli.

L-akkużat ma nstabx ħati li qered evidenza, imma nstab ħati li seraq il-fajl in kwistjoni. 

Il-maġistrat fakkar illi meta persuna taħdem il-Qorti mal-ġudikatura, "dan ikun impjieg li jirrikjedi livell għoli ta' fiduċja u dak li ġara huwa sejru, tant illi kieku ma tteħditx azzjoni immedjata mill-Pulizija u l-amministrazzjoni tal-Qorti, kien ikun hemm konsegwenzi serji ħafna. Fosthom, li possibilment kienu jwasslu biex ikun imminat il-proċess ġudizzjarju dwar traffikar tad-droga."

Ir-raġel instab ħati ta' kompliċità u tpoġġa taħt ordni ta' probation ta' tliet snin.  Ordnatlu wkoll li jwettaq 480 siegħa ta' servizz komunitarju. 

More in Qrati u Pulizija