Għadam umani mormija fi skip; Disa' impjegati taċ-ċimiterju jinstabu innoċenti

Il-każ imur lura għall-2011, meta fi skip taqbad quddiem iċ-ċimiterju kienu nstabu ħwejjeġ ta' qassis u għadam umani

Disa’ impjegati taċ-Ċimiterju tal-Addolorata nħelsu mill-akkużi li ramew fdalijiet umani fi skips li kienu jinsabu quddiem l-istess ċimiterju.

Il-każ imur lura għall-2011, meta l-Pulizija daħlilha rapport li kien hemm xi skips li qed jaqbdu quddiem iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Fost oħrajn, fl-iskips kien hemm partijiet minn tebut, ħwejjeġ u anke għadam li aktar tard kienu ċċertifikati li kienu umani.

Fil-Qorti kien instema’ li wħud mill-ħwejjeġ li nstabu kienu jidhru li huma ta' xi membru tal-kleru.

B’kollox, kien hemm għaxar impjegati responsabbli mit-tindif tal-oqbra. Kien instema’ wkoll kif ftit qabel dan il-każ, il-ħaddiema kienu tqabbdu jnaddfu qabar li s-sid tiegħu kien membru ta’ ordni reliġjuż.

L-għaxart irġiel (wieħed minnhom laħaq miet) ċaħdu li kienu responsabbli għar-rimi tal-għadam uman. Huma saħqu li kienu awtorizzati biss biex jarmu l-fdalijiet tat-tebut u anke ħwejjeġ.

L-irġiel kienu saħqu wkoll li l-iskips setgħu ntużaw minn persuni oħra, anke dawk responsabbli minn ċimiterji oħra.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Nadine Lia saħqet li ma setgħetx taqbel li kien hemm biżżejjed provi biex l-irġiel jinstabu ħatja.

Saħqet li kien hemm dubji serji dwar jekk l-irġiel kollha, jew inkella uħud minnhom, kinux involuti fil-każ.

Kompliet tisħaq li lanqas kien hemm biżżejjed evidenza li tipprova ta’ min kien dan l-għadam, jiġifieri baqa’ ma kienx stabbilit jekk il-qabar, fejn kien hemm midfun Monsinjur Frans Baldacchino, kienx imnaddaf mill-akkużati.

Membru ta’ ordni reliġjuż kien xehed li kien preżenti meta nqalgħu l-fdalijiet tal-Monsinjur u ġew trasferiti lejn ċimiterju fil-Mosta. Fi kliemu, l-ebda għadam ma kien intrema quddiemu.

L-akkużati kienu indikaw ukoll li kieku ntremew xi għadam, Saviour Agius, illum mejjet kien ikun responsabbli, għax kien hu li jisseppara l-għadam minn oġġetti oħra li setgħu jintremew.

Meta kien xehed fil-Qorti, l-istess Saviour Agius kien insista li kieku rema xi għadam, dawn kienu jkunu għadam żgħar li ma kienx induna bihom u mhux għadam kbar bħalma nstabu.

Il-Qorti ddikjarat l-irġiel kollha bħala mhux ħatja.

More in Qrati u Pulizija