Jinżamm arrestat raġel ta' 26 sena li seraq mutur mill-Fgura

Il-każ seħħ ix-xahar li għadda fis-sigħat bikrin ta' filgħodu

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Raġel ta' 26 sena minn Bormla baqa’ miżmum arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li fl-20 ta' Ġunju li għadda seraq mutur mill-Fgura.

L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-qorti kif wara li l-mutur kien insteraq, il-pulizija rċevew informazzjoni anonima li tefgħathom fid-direzzjoni tal-mutur misruq. Fl-istess waqt, il-Pulizija kienet diġà elevat il-filmati tas-sigurtà mill-akwati u identifikaw l-akkużat. 

Sussegwentement ir-raġel kien ġie arrestat u l-mutur misruq irritorna għand il-Pulizija.

Fil-Qorti l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukat tiegħu jitlob il-ħelsin mill-arrest għaliex skontu r-raġel kien għadu qiegħed jirkupra mill-problemi tad-droga u snin ta' priġunerija.

L-avukat qal ukoll li għalkemm l-akkużat kien ilu ma jmiss mad-droga snin twal, huwa xorta waħda kellu djun kbar kaġun tad-droga u li għalihom kien jirċievi theddid kontinwu.

“Jekk imur il-ħabs hu se jerġa' jidħol fil-problema tad-droga," saħaq l-avukat.

Il-proskezzjoni oġġezzjonat għall-ħelsin mill-arrest minħabba l-biża li l-akkużat jikkommetti aktar reati.

Fid-dawl t'hekk il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsin mill-arrest minħabba li ma kienetx konvinta li l-akkużat se josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsin tiegħu.

 

More in Qrati u Pulizija