Adrian Delia u Alex Borg jattakkaw b’mod qawwi l-proposti tal-Gvern dwar l-ippjanar

Adrian Delia u Alex Borg jattakkaw b’mod qawwi l-proposti tal-Gvern ta’ Robert Abela dwar l-ippjanar

Il-proposti kontroversjali tal-Gvern dwar l-ippjanar komplew iqajmu reazzjonijiet sħaħ minn esponenti ewlenin tal-Oppożizzjoni, b’diskors qawwi kemm minn Adrian Delia kif ukoll minn Alex Borg. Huma akkużaw lill-Prim Ministru Robert Abela b’attentat ċar li jikkonċentra s-setgħa f’idejh, b’mod li jwassal għal theddida serja għad-demokrazija u għall-ambjent tal-pajjiż.

F’messaġġ li ma ħalla l-ebda dubju dwar il-pożizzjoni tiegħu, Adrian Delia qal:
“Abbozzi oxxeni. Gvern li biegħ ruħu ma jista’ qatt itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu, għax jinteressah biss ir-rebgħa tal-ftit. Issa jrid isikket u jrażżan lil kull min kellu dritt jiftaħ ħalqu. Irridu niġġieldu għal futur ta’ wliedna.”

Delia saħaq li l-Gvern qed jipprova jisraq is-setgħa mill-qrati u li l-poplu għandu jqum kontra dak li sejjaħlu “Gvern despotiku li se jirrovina darba għal dejjem l-ambjent ta’ pajjiżna.”

Alex Borg, esprima wkoll tħassib kbir dwar l-istess proposta, u sejjaħ għall-bidu immedjat ta’ konsultazzjoni serja u trasparenti.
“T-tibdil propost dwar l-ippjanar minn Robert Abela u l-mod mgħaġġel li jrid idaħħalha turi kif dan il-Prim Ministru ma jagħti każ ħadd u jaġevola lil min jaqbillu,” qal Borg, li saħaq li din hi d-differenza fundamentali fit-tmexxija bejnu u bejn Abela.

Borg qal li bħala mexxej possibbli tal-PN, se jorganizza Konvenzjoni Nazzjonali li tilqa’ l-ideat u t-tħassib tal-poplu dwar l-isfidi li qed jaffaċċja Malta, inkluż l-ippjanar, l-ambjent u t-tmexxija demokratika.
“Jeħtieġ l-politika nagħmluha b’mod differenti. Fiha se nkunu qed nisimgħu u niddibattu imma fuq kollox noħorġu bis-soluzzjonijiet – mhux dawk li ħolqu l-problema joħorġu bihom,” insista Borg.

 

More in Politika