Fid-dawl tal-kriżi fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola għadha ma tatx indikazzjoni ċara dwar jekk hix se tirritorna Malta biex tikkompeti għall-kariga ta’ kap tal-partit.
F’intervista ma’ Politico, Metsola insistiet li għandha “responsabbiltà f’Brussell”, u b’hekk żammet il-pożizzjoni vaga tagħha fost spekulazzjonijiet dejjem jikbru dwar l-intenzjonijiet politiċi tagħha.
Il-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, ikkummenta wkoll dwar is-sitwazzjoni, u saħaq li “hemm ħafna xi jsir magħha bħala President f’dawn iż-żminijiet kruċjali”, sinjal li jkompli jindika l-possibbiltà li Metsola tkompli fil-kariga Ewropea.
Is-silenzju ta’ Metsola qed jżid l-inċertezza fil-PN wara r-riżenja ta’ Bernard Grech. Grech, li tkellem f’indirizz televiżiv, deher li qed jindirizza direttament lil Metsola, waqt li wera l-ħtieġa li dak li għandu aktar fiduċja mill-pubbliku jieħu t-tmexxija.
Diversi deputati tal-PN żammew mal-istess linja. Ryan Callus, pereżempju, ħabbar li lest iċedi s-siġġu parlamentari tiegħu jekk il-kap il-ġdid jiġi elett minn barra l-Grupp Parlamentari — referenza ċara għal Metsola, minkejja li ma ssemmietx b’isimha. Mark Anthony Sammut ukoll stqarr li mhux interessat fil-kariga, u qal li “hemm persuna waħda li għandha kunsens ċar għall-irwol,” b’referenza għal Metsola.
Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista jkompli jħejji ruħu għall-kampanja interna għat-tmexxija, b’laqgħa tal-eżekuttiv li saret l-Erbgħa filgħaxija biex tiġi ffurmata l-kummissjoni elettorali. L-għażla ta’ Metsola se tkun deċiżiva għall-futur immedjat tal-partit, hekk kif diversi esponenti qed jistennew id-deċiżjoni tagħha biex jieħdu passi oħra.