Mozzjoni tikkundanna ‘ħtif antidemokratiku’ tat-tmexxija

Il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant adotta mozzjoni li tikkundanna dak li sejjaħ bħala ħtif antidemokratiku tat-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Għargħur, wara li Mariah Meli nħatret sindku minkejja li l-Partit Nazzjonalista kien rebaħ il-maġġoranza assoluta tal-voti fl-elezzjoni tal-2024

Ritratt:James Bianchi/MaltaToday
Ritratt:James Bianchi/MaltaToday

Il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant adotta mozzjoni li tikkundanna dak li sejjaħ bħala “ħaġar antidemokratiku” wara li saret bidla fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Għargħur, fejn Mariah Meli nħatret sindku minkejja li ma tirrappreżentax il-maġġoranza tal-voti miksuba fl-aħħar elezzjoni tal-2024.

Il-mozzjoni tirreferi għal dak li ġara nhar l-Erbgħa 14 ta’ Mejju, meta kienet tressqet mozzjoni ta’ sfiduċja kontra s-sindku eletta b’mod demokratiku, Helen Gauci, li kienet ingħatat il-fiduċja mill-elettorat f’Ġunju tal-2024 b’maġġoranza assoluta ta’ 62% tal-voti. Il-mozzjoni ta’ sfiduċja, li wasslet għat-tneħħija ta’ Gauci, kienet tinkludi allegazzjonijiet li, skont ir-reġjun, saru mingħajr ebda provi konkreti.

Il-Kunsill Reġjonali kkundanna b’mod qawwi l-aġir tal-membri tal-kunsill lokali affiljati mal-Partit Laburista, li flimkien ma’ kunsilliera indipendenti, rnexxielhom jaħtfu t-tmexxija tal-Kunsill minkejja li kienu fil-minoranza elettorali bil-38% biss tal-voti. Dan l-aġir, skont il-mozzjoni, jirrappreżenta disrispett lejn il-vot demokratiku tar-residenti Għawrin u joħloq preċedent perikoluż għall-governanza f’livell lokali.

Il-mozzjoni tirringrazzja wkoll lill-eks sindku Helen Gauci għall-ħidma tagħha f’risq il-lokalità u l-kontribut tagħha bħala membru tal-Kunsill Reġjonali tal-Lvant. L-istess mozzjoni tappella lill-Gvern sabiex jirrispetta r-rieda tal-poplu kif espressa fl-aħħar elezzjoni u jsejjaħ għal elezzjoni lokali immedjata biex ir-residenti ta’ Ħal-Għargħur ikunu jistgħu jerġgħu jesprimu r-rieda tagħhom dwar min għandu jmexxi l-Kunsill.

Il-Kunsill Reġjonali insista li dan kollu qed isir b’rispett sħiħ lejn id-demokrazija, mhux biss bħala prinċipju li wieħed jippredika, iżda bħala valur li għandu jiġi ppprattikat b’mod konsistenti u trasparenti. Il-każ ta’ Għargħur issa jinsab fiċ-ċentru tad-dibattitu dwar ir-rappreżentanza politika fil-livell lokali u l-mekkaniżmi ta’ tmexxija wara elezzjonijiet.

More in Politika