14-il raġel b’sentenza ta’ għomor il-ħabs

Il-maġġoranza tal-irġiel li qed jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs ilhom iktar minn għaxar snin il-ħabs diġà

Jidher li hemm ukoll 291 persuna taħt arrest preventiv bħalissa l-ħabs
Jidher li hemm ukoll 291 persuna taħt arrest preventiv bħalissa l-ħabs

Jidher illi hemm total ta’ 14-il raġel preżentament fil-ħabs li qed jiskontaw sentenza ta’ għomor fil-ħabs. 

Dil-informazzjoni ħarġet fil-Parlament meta l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ għamlet mistoqsija parlamentari lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

Fil-mistoqsija tagħha, Attard Previ staqsiet lill-Ministru biex “jgħid kemm hemm persuni li qed jiskontaw għomor il-ħabs bħalissa.” Barra minn hekk, staqsiet ukoll dwar kemm ilhom il-ħabs dawn il-persuni biex l-informazzjoni tingħata maqsuma skont il-ġeneri tal-persuni. 

Il-Ministru Camilleri wieġeb billi pprovda tabella li tindika li “hemm 14-il raġel li qed jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs” u l-ebda mara. Fl-istess waqt, it-tabella tindika kemm ilhom il-ħabs dawn il-persuni. 

Żewġ irġiel ilhom iktar minn 30 sena l-ħabs 

Mit-tabella pprovduta mill-Ministru Camilleri jidher li hemm żewġ irġiel li ilhom il-ħabs ’il fuq minn 30 sena. Wieħed ilu jiskonta s-sentenza tiegħu 37 sena u l-ieħor ilu 32 sena. 

Warajhom hemm żewġ irġiel li ilhom iktar minn 20 sena, fejn wieħed ilu 24 sena u tnejn ilhom 23 sena. 

Imbagħad għandek sitt irġiel li ilhom iktar minn għaxar snin il-ħabs: wieħed li ilu 18-il sena, ieħor li ilu 14-il sena, tlieta li ilhom 13-il sena, u wieħed li ilu 12-il sena.  

Fl-aħħar hemm tliet irġiel li ilhom inqas minn għaxar snin. Hemm tnejn li ilhom sitt snin waqt li hemm wieħed li ilu tliet snin. 

Kważi 300 persuna taħt arrest preventiv fil-ħabs 

Minn mistoqsija parlamentari oħra magħmula wkoll minn Attard Previ lill-istess Ministru, jidher li hemm 291 persuna taħt arrest preventiv bħalissa l-ħabs. 

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni staqsiet biex “il-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq arrest preventiv bħalissa u jaqsam din l-informazzjoni skont il-ġeneru”, fejn wieġeb bit-total ta’ nies taħt arrest preventiv sal-15 ta’ April tal-2025. 

Barra minn hekk, qal ukoll li minn dawn l-arrestati, hemm b’kollox 267 raġel u 24 mara. 

More in Politika