’Il fuq minn 5,500 vettura rreġistrati bil-pjanċi jispiċċaw bi ‘GY’ u bi ‘LY’

Jidher li hemm ukoll 119-il vettura bil-pjanċi jispiċċaw 'GY' u 'LY' li 'huma ggaraxxjati jew inkella li l-liċenzja taċ-ċirkulazzjoni tagħhom kienet diġà skadiet' qal il-Ministru Bonett

Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett (xellug) u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Mark Anthony Sammut (lemin)
Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett (xellug) u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Mark Anthony Sammut (lemin)

Jidher illi bħalissa qed joperaw ’il fuq minn 5,500 vettura li għandhom il-pjanċi tagħhom jispiċċaw, jew b’“GY”, jew b’“LY”. 

Din l-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett. 

Fil-mistoqsija tiegħu, Sammut talab lill-Ministru jistax “jaġġorna l-lista sħiħa tal-pjanċi tal-vetturi li jispiċċaw bl-ittri “GY” u “LY”.  

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru ta l-informazzjoni mitluba f’forma ta’ tabella bil-pjanċi kollha rreġistrati li jispiċċaw bl-ittri msemmijin.

5,554 taxi bil-pjanċi jispiċċaw “GY” u “LY” li qed joperaw attivament 

Mit-tabella pprovduta, jidher li b’kollox hemm 5,554 vettura li għandhom il-pjanċi jispiċċaw “GY” u “LY” — fi kliem ieħor, taxis impjegati ma’ kumpaniji tal-ivvjaġġar bħalm’huma l-Bolt u l-eCabs. 

Iżda dan ifisser li n-numru veru ta’ taxis inġenerali li qed joperaw fil-gżejjer Maltin huwa ikbar. 

Dan għaliex dil-mistoqsija parlamentari tindirizza biss vetturi li għandhom pjanċi jispiċċa b’“GY” jew b’“LY”, iżda taxis oħrajn jużaw pjanċi differenti. 

Eżempju, it-taxis bojod, bħal kif inhuma magħrufin, għandhom pjanċi differenti li ġeneralment jibdew bil-kelma “TAXI”. 

119-il vettura bil-pjanċi jispiċċaw “GY” u “LY” iggaraxxjati jew bil-liċenzja skaduta 

Apparti hekk, mill-informazzjoni mogħtija fil-Parlament, jidher li hemm ukoll 119-il vettura bil-pjanċi jispiċċaw “GY” u “LY” li “huma ggaraxxjati jew inkella li l-liċenzja taċ-ċirkulazzjoni tagħhom kienet diġà skadiet sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tal-Legiżlazzjoni Sussidjarja 499.68,” fi kliem il-Ministru Bonett. 

Il-leġiżlazzjoni msemmija, li ġġorr l-isem “Regolamenti Dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri b’Vetturi Żgħar u Servizzi ta’ Kiri ta’ Vetturi”, tirregola l-awtorizzazzjoni ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri. 

Fi kliem ieħor, din il-leġiżlazzjoni tirregola lit-taxis. Minn meta daħlet fis-seħħ, kien hemm iktar regolarizzazzjoni ta’ dawn il-vetturi u l-operaturi tagħhom. 

More in Politika