X’inhi r-reklużjoni?
Il-piena tar-reklużjoni, dik li bl-Ingliż tissejjaħ solitary confinement, hija forma ta’ kastig fejn ħabsi jingħalaq f’post fejn ħadd ma jista’ jagħmel kuntatt miegħu.
L-eċċezzjoni ta’ dan, skont il-liġi, huwa meta dan il-kuntatt isir bi skop ta’ “servizz jew b’awtorizzazzjoni speċjali tal-Ministru responsabbli għall-ħabs.”
Skont il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, l-arkitettura tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma tippermettix li tingħata r-reklużjoni lill-ħabsin.
“Infurmat illi kif inhi mibnija l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma tipprovdix post fejn persuna tkun solitarja mingħajr aċċess u ebda kuntatt ma’ persuni oħra”, qal il-Ministru fil-Parlament.
Iżda, qal Camilleri, hemm sezzjonijiet fil-ħabs li jipprovdu iktar sigurtà u inqas aċċess għal persuni biex jagħmlu kuntatt mal-ħabsin.
Dil-informazzjoni ħarġet waqt li l-Ministru kien qed iwieġeb lill-Kelliema għall-Oppożizzjoni Graziella Attard Previ, li staqsietu dwar kemm-il darba ntużat il-piena tar-reklużjoni.