Riabilitazzjoni permezz tal-edukazzjoni: korsijiet offruti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Il-livell ta’ akkreditazzjoni ta’ dawn il-korsijiet ivarja minn MQF1 għal MQF3, li huwa ekwivalenti għal-livell tas-SEC

Fil-ħabs “qed jiġu offruti diversi korsijiet, kemm dawk edukattivi, kif ukoll f’ħiliet varji” (Ritratt: Arkivji)
Fil-ħabs “qed jiġu offruti diversi korsijiet, kemm dawk edukattivi, kif ukoll f’ħiliet varji” (Ritratt: Arkivji)

Aħbar tajba hekk kif jidher illi l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed tinvesti biex il-ħabsin ikunu jistgħu jiġi riabilitati permezz tal-edukazzjoni. 

Dan għaliex fil-ħabs “qed jiġu offruti diversi korsijiet, kemm dawk edukattivi, kif ukoll f’ħiliet varji” skont il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

Dil-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsijiet parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo lill-Ministru. 

Il-korsijiet disponibbli 

Skont il-Ministru, il-korsijiet offruti huma dawn: Interior Design, Spanjol, l-Etika, l-Arti, il-Web Design, il-Welding, il-Matematika, u l-Malti. 

Għad-diviżjoni tan-nisa hemm ukoll sessjonijiet tal-Artiġjanat, u fis-Centre of Residential Restorative Services, jiġifieri fil-faċilità korrettiva taż-żgħażagħ hemm sessjonijiet tat-Tisjir, tad-Drama u tal-Arti. 

Dawn il-korsijiet huma offruti minn diversi entitajiet, inklużi l-MCAST, il-Care, Reintegration and Education Unit (CREU), il-Lifelong Learning, Dar Hosea, u “edukaturi li qed isegwu MA in Addressing Divergent Behaviour in Adolescents”, kif qal il-Ministru. 

Il-livell ta’ akkreditazzjoni ta’ dawn il-korsijiet ivarja minn MQF1 għal MQF3, li huwa ekwivalenti għal-livell tas-SEC. 

Il-Ministru jdur mal-mistoqsija 

Iżda fil-mistoqsija tiegħu, Bartolo propjament staqsa biex “il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema jgħallmu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin”. 

Minflok ma wieġeb, il-Ministru Camilleri qal biss li “n-numru ta’ għalliema għalhekk ivarja skont it-taħriġ li jkun qed isir minn żmien għal żmien,” u b’hekk elenka l-korsijiet disponibbli fil-ħabs ta’ Kordin. 

“Ħabs ħieles mid-droga” skont il-Ministru 

Il-Ministru fl-istess mistoqsija qal li “qatt daqs illum il-Faċilità Korrettiva ffukat fuq ir-riabilitazzjoni u dan tista’ tagħmlu għax għall-ewwel darba taħt din l-amministrazzjoni, il-ħabs huwa ordnat, ħieles mid-droga u b’tentattiv ġenwin ta’ riabilitazzjoni.” 

More in Politika