Tat-taxis jitolbu għal azzjoni immedjata dwar il-konġestjoni fl-Ajruport

Żewġ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi tal-ġarr tal-passiġġieri b'vetturi żgħar f’Malta qed iwissu kontra sitwazzjoni serjissima ta’ konġestjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li qed toħloq perikli kemm għas-saħħa kif ukoll għas-sigurtà pubblika

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Il-Malta Taxi Licensed Association u l-Light Passenger Operators Association, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lix-xufiera tat-taxis f'Malta, qalu li l-konġestjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta hija tat-tħassib li qed toħloq sitwazzjoni "serjissima li tolqot kemm lill-vetturi kif ukoll lill-passiġġieri."

L-assoċazzjonijiet sostnew li l-problema ilha għaddejja u baqgħet tikber "minħabba nuqqas kbir ta’ ppjanar u deċiżjonijiet li għadhom ma ttieħdux." U dan, qed jisħqu l-assoċazzjonijiet, minkejja diskussjonijiet ma’ stakeholders u awtoritajiet rilevanti kif ukoll proposti li tressqu mill-assoċazzjonijiet.

"Iżda dan kien kollu għalxejn," stqarrew l-assoċazzjonijiet. Issa li riesaq is-sajf, is-sitwazzjoni ħa tiggrava u ħa "tolqot mhux biss in-nuqqas ta’ ppjanar, imma wkoll problemi kbar ta’ saħħa u sigurtà."

Għalhekk, l-assoċazzjonijiet qed jitolbu lill-Gvern Malta biex jieħu azzjoni immedjata ħalli jittaffew il-problemi li qed jaffettwaw mhux biss lix-xufiera iżda wkoll lill-passiġġieri u saħħithom.

More in Politika