Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jagħraf l-Istat Palestinjan fl-istess ħin li esprima "kundanna bla riżerva" għas-sitwazzjoni li hemm bħalissa fl-Istrixxa ta’ Gaża.
"Il-qtil indiskriminat ta’ tant eluf ta’ Palestinjani innoċenti, inkluż eluf ta’ tfal, huwa inaċċettabbli. Huwa inaċċettabbli wkoll li poplu sħiħ jitħalla bil-guħ u bil-għatx u mingħajr l-għajnuna bażika biex jintlaħaq għan politiku," qalu Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ, u Beppe Galea, is-Segretarju Internazzjonali tal-PN, f'isem il-Partit.
"Dan imur kontra l-liġijiet internazzjonali u fuq kollox kontra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem."
L-Oppożizzjoni kompliet billi tenniet it-twemmin tagħha li l-unika pass 'il quddiem huwa wieħed ibbażat fuq paċi dejjiema u r-rispett reċiproku bejn l-Istat Iżraeljan u l-Istat Palestinjan. Għalhekk, il-PN qed iħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jagħraf lill-Palestina bħala stat indipendenti biex dan il-pass jista' jseħħ.
Kwalunkwe tlaqliq fil-proċess tar-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan għandu jiġi spjegat, bħal kif stqarr il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fid-diskors tiegħu fil-Parlament. "Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jgħid x’qed iżommu milli jagħmel dan, u jispjega għalfejn qed isostni li għadu mhux il-mument opportun li jappoġġja l-ħolqien ta’ Stat Palestinjan", qalet l-Oppożizzjoni.
"Dan, aktar u aktar meta d-Deputat Mexxej tiegħu Alex Agius Saliba jaqbel mal-pożizzjoni tal-PN u stqarr li l-Gvern Malti għandu jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan issa."
Il-PN temmew l-istqarrija tagħhom billi tennew it-talba ta' Grech biex il-Parlament Malti joħroġ dikjarazzjoni konġunta li tappella għal waqfien mill-ġlied u għall-twassil immedjat tal-għajnuna umanitarja lil Gaża.